Il-President Amerikan Donald Trump fl-aħħar sigħat iddikjarat li qiegħed jippjana li jiddiskuti t-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna mal-President Russu Vladimir Putin nhar it-Tlieta. Hu iddikjara li n-negozjaturi kienu diġà ddiskutew “il-qsim ta ‘ċerti assi”.
Enfasizza li “nhar it-Tlieta ser inkun qed nitkellem mal-President Putin. Sar ħafna xogħol fi tmiem il-ġimgħa,” qal Trump lill-ġurnalisti waqt titjira lura lejn Washington minn Florida.
“Irridu naraw jekk nistgħux inġibu din il-gwerra fi tmiemha. Forsi nistgħu, forsi ma nistgħux, imma naħseb li għandna ċans tajjeb ħafna,” sostna Donald Trump.
Rapporti fl-Istati Uniti qegħdin jgħidu li Trump qed jipprova jirbaħ l-appoġġ ta’ Putin għal proposta ta’ waqfien mill-ġlied ta’ 30 jum. Din il-proposta l-Ukrajna aċċettat il-ġimgħa li għaddiet.
“Se nkunu qed nitkellmu fuq it-territorju. Se nkunu qed nitkellmu dwar impjanti tal-enerġija,” qal Trump meta mistoqsi dwar il-konċessjonijiet.