Saturday, January 31, 2026

Trump u wliedu f’kawża għad-danni dwar żvelar tat-taxxa

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u ż-żewġ uliedu subien, Eric u  Donald Jr. fetħu kawża ta’ biljun dollaru kontra l-gvern federali dwar zvelar tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tan-negozju u personali tagħhom. L-ilment ċivili, ippreżentat fil-qorti federali ta’ Miami, qed jitlob $10 biljun f’danni.

Il-familja Trump akkużat lis-Servizz tad-Dħul Intern (IRS) – id-dipartiment tat-taxxa – u lid-Dipartiment tat-Teżor li naqsu milli jipprevjenu l-iżvelar ta informazzjoni finanzjarja kunfidenzjali u personali minn eks kuntrattur tal-IRS.

Il-kuntrattur involut, Charles “Chaz” Littlejohn, qed jiskonta sentenza ta’ ħames snin ħabs wara li nstab ħati li xerred id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa lill-midja.

Qabel l-elezzjoni tal-2016, Trump qal li mhux se joħroġ id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tiegħu għax kien qed jiġi awditjat, u b’hekk sar l-ewwel wieħed fi kważi 50 sena li ma żvelax id-dokumenti tat-taxxa. Huwa qal l-istess qabel il-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni mill-ġdid tal-2020.

Iżda f’Settembru 2020, eżatt qabel l-elezzjoni ta’ Novembru, The New York Times ippubblika rapport estensiv dwar id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa ta Trump, li żvela li ħallas biss $750 f’taxxi federali fuq id-dħul fis-sena li rebaħ il-presidenza u l-ebda taxxa f’10 mill-15-il sena ta’ qabel.

Il-kawża tiddikjara li kemm l-IRS kif ukoll id-Dipartiment tat-Teżor kellhom id-dmir li jissalvagwardjaw u jipproteġu tali żvelar milli jiġi mqassam pubblikament iżda naqsu milli jieħdu tali prekawzjonijiet obbligatorji.

Fil-presentazzjoni, Trump u uliedu Donald Trump Jr, Eric Trump u l-Organizzazzjoni Trump qalu li sofrew ħsara fir-reputazzjoni u finanzjarja, flimkien ma’ imbarazzament pubbliku minn leakages lin-New York Times u ProPublica li  pinġuhom f’dawl falz u affettwaw b’mod negattiv il-pożizzjoni pubblika tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport