Friday, December 27, 2024

Truppi Russi jidħlu fit-tieni l-akbar belt fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Uffiċjali Ukreni qalu li t-Truppi Russi daħlu f’Kharkiv, li hija t-tieni l-akbar belt Ukrena u li tinsab 20 mil biss ‘il bogħod mill-fruntiera mar-Russja

Il-kap tal-amministrazzjoni reġjonali ta’ Kharkiv, Oleg Sinegubov, qal li vetturi militari daħlu fil-belt.

Qabel id-dikjarazzjonijiet tiegħu, filmati kienu wrew xi karozzi militari Russi qed isuqu fit-toroq tal-belt.

Sinegubov ħeġġeġ lir-residenti biex jibqgħu ġewwa, u qal li t-truppi Russi dehru li kienu fiċ-ċentru tal-belt.

“Toħorġux mix-xelters! Il-Forzi Armati tal-Ukrajna qed jeliminaw l-għadu. In-nies huma mitluba ma joħorġux fit-toroq.”

Intant, midja internazzjonali rrappurtat li Truppi Russi issa qed jokkupaw Nova Kakhovka, jew New Kakhovka. Din hija belt żgħira iżda waħda li tinsab strateġikament fuq ix-Xmara Dnieper li tforni direttament lill-peniżola tal-Krimea b’kanali tal-ilma.

Is-sindku tal-post Volodymyr Kovalenko qal li t-truppi Russi ħatfu l-kumitat eżekuttiv tal-belt u neħħew il-bnadar kollha tal-Ukrajna mill-bini.

Fi żvilupp ieħor, il-forzi Russi attakkaw faċilitajiet taż-żejt u tal-gass fl-Ukrajna, u qanqlu splużjonijiet kbar, qalu uffiċjali nhar il-Ħadd, hekk kif l-pajjiżi tal-Punent ħejjew sanzjonijiet ġodda, inkluż it-tkeċċija tal-banek ewlenin tar-Russja mis-sistema ewlenija tal-pagamenti globali. Dawn il-pajjiżi sostnew li kemm il-darba r-Russja tibqa’ tattakka lill-Ukrajna, jiġu imposti aktar sanzjonijiet ħorox.

Ekonomija

Sport