Ir-referee tal-FIFA Trustin Farrugia Cann bħalissa jinsab fil-belt Spanjola ta’ La Coruna fir-reġjun tal-Galicia, waħda mill-ibliet li qed tospita l-finali tar-Regions Cup 2023.
Ir-Referee Farrugia Cann diġá mexxa żewġ logħbiet f’din il-kompetizzjoni, kellu prestazzjoni mill-aqwa, u wara l-inkarigu tiegħu bħala r-raba’ uffiċjal f’waħda mil-logħbiet f’Match Day 3, se jkun qed jistenna appointmenti għall-fażi finali ta’ din ir-Regions Cup bil-possibbiltà li jkun fdat biex jirrefja fl-aktar fażi importanti tal-kompetizzjoni.
Għal din it-Tazza tar-Reġjuni, qed jipparteċipaw tmien timijiet b’kollox, kollha ġejjin minn pajjiżi importanti tal-futbol bħall-Polonja, il-Portugall, il-Ġermanja, u l-pajjiż ospitanti Spanja.
Is-Sur Farrugia Cann s’issa kkontrolla l-partita bejn Lisboa (Portugall) u Dolnośląski Region (Polonja) minn Match Day 1, segwita mill-partita bejn it-tim Spanjol Galicia u Zenica-Doboj mill-Bosnja Ħerzegovina. Nhar l-Erbgħa se jkun ir-raba’ uffiċjal għall-partita minn Match Day 3 bejn il-Ġermaniżi ta’ Bavaria u Galicia minn Spanja.
Il-finali tar-Regions Cup 2023 2023 hija skedata li tintlagħab is-Sibt fis-7:00pm fl-Estadio de A Lomba f’Galacia, u l-Malta FA tixtieq twassal l-isbaħ xewqat tagħha lil Trustin Farrugia Cann li qed jirrappreżenta lill- Assoċjazzjoni waqt dan it-tournament fil-parti tal-Majjistral ta’ Spanja.