Saturday, December 28, 2024

TTD 2022 – Illum Malta tilgħab kontra r-Russja, f’Moska

Aqra wkoll

Ritratt: Domenic Aquilina

Illum, it-team nazzjonali Malti jilgħab it-tielet partita f’temp ta’ sitt ijiem,  minn Grupp H ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022, meta f’Moska jiffaċċja lir-Russja.

It-team immexxi mill-coach Taljan, Devis Mangia, ġej minn żewġ riżultati kunstratanti fejn wara r-rebħa konvinċenti ta’ 3-0 kontra Ċipru fl-Istadium Nazzjonali sofra telfa minima ta’ 1-0 kontra s-Slovenja, f’Ljubljana, bl-uniku goal tal-logħba jasalu minn penalty dubjuż.

Iżda minkejja kollox, il-wirja tal-Maltin kienet mill-aktar sodisfaċenti u li kieku ħriġna bi draw, żgur li ma konna nisirqu xejn. Kienet wirja kollettiva u għaldaqstant kull player jistħoqqlu kull tifħir għall-prestazzjoni tiegħu.

Intant, il-bieraħ Mangia, flimkien mal-goalkeeper Henry Bonello, indirizza konferenza stampa b’mod virtwali.

Huwa aċċenna li se jippruvaw jilagħbu l-logħba tipika tagħhom bħalma ġara fil-logħbiet kontra Ċipru u s-Slovenja għalkemm jinsab konxju mill-fatt li r-Rus­sja huma avversarji diffiċli.

Il-coach Taljan fakkar kif mil-logħba kontra l-istess Russi li ntlagħbet f’pajjiżna u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1, inbidlu ħafna affarijiet għalkemm l-istil ta’ logħob se jibqa’ l-istess.

Il-fatt li t-team se jilgħab it-tielet logħba tiegħu fi spazju ta’ ftit jiem mhux se jgħin il-kundizzjoni tal-players … għalkemm din mhix skuża.

Meta mistoqsi dwar it-telfa ta’ 1-0 kontra s-Slovenja, Mangia sostna li bl-ebda mod ma jiġġustifika l-penalty li tellef lill-Maltin minn tal-inqas punt minn din il-partita.

Huwa qal li analizza sew il-logħob tar-Russja li fl-opinjoni tiegħu jilagħbu football attraenti bl-attakkanti Aleksandr Golovin u Artem Dzyuba huma fost l-iktar perikolużi.

Huwa ħabbar ukoll li l-wing back ta’ Hamrun Spartans, Joseph Mbong, jinsab dubjuż wara d-daqqa li qala’ fl-aħħar logħba.

Min-naħa tiegħu, il-goalkeeper Henry Bonello qal li bħala team jafu li r-Russi għandhom vantaġġ mill-fatt li se jilagħbu f’darhom, għalkemm il-coach Mangia qed jagħtihom motivazzjoni sabiex jiffaċċjaw lill-avversarji tagħhom b’mentalitá ferm pożittiva.

Min-naħa tagħhom, ir-Russi jinsabu jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika ta’ dan il-grupp flimkien mal-Kroazja b’10 punti.

Fl-aħħar tliet partiti tagħhom, huma sfaw megħluba mis-Slovakkja 2-1, temmew fi draw ta’ mingħajr goals kontra l-Kroazja u għelbu lil Ċipru bl-iskor ta’ 2-0.

Malta u r-Russja diġá ltaqgħu kontra xulxin f’Marzu li għadda fejn kienu dawn tal-aħħar li rebħu bl-iskor ta’ 3-1, bl-iskorers ikunu Artem Dzyuba, Mario Fernandes u Aleksandr Sobolev filwaqt li Joseph Mbong wieġeb għall-Maltin.

Sadanittant Mangia se jkollu jgħaddi mingħajr id-difensur Enrico Pepe li weġġa’  fil-logħba kontra s-Slovenja u għalhekk kellu jirritorna Malta għar-rijabilitazzjoni.

Min-naħa l-oħra, il-coach Russu Valeri Karpin, li ħa post Stanislav Cherchesov, ma jistax jinkludi lil Dmitri Barinov għax jinsab sospiż.

Din se tkun it-tielet logħba bejn iż-żewġ it-timijiet.  Minbarra l-konfront ta’ Marzu li għadda, fl-1996, ir-Russi kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0, f’tournament ta’ ħbiberija.

Il-logħba se tintlagħab f’Okrytie Arena, u se tixxandar b’mod dirett fuq TVM2 fid-8.45 pm.

Ekonomija

Sport