Illum, fil-Khalifa International Stadium, tintlagħab il-partita għat-tielet post tat-Tazza tad-Dinja 2022 bejn il-Kroazja u l-Marokk għar-rebħ tal-midalja tal-bronż.
Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li tilfu s-sem-finali, il-Kroazja kontra l-Arġentina bl-iskor ta’ 3-0 filwaqt li l-Marokki sfaw megħluba minn Franza bl-iskor ta’ 2-0.
Il-Kroati kien mistenni ħafna aktar minnhom peró ma setgħux jagħmlu xejn quddiem il-qawwa tal-attakkant Arġentin, Lionel Messi, li minbarra fetaħ l-iskor, irreġistra assist wara azzjoni personali.
Madankollu, huma sofrew penalty dubjuż li witta t-triq għal din ir-rebħa Arġentina meta l-goalkeeper Kroat, Dominik Livakovic, ħabat mal-attakkant Julian Alvarez u t-tnejn spiċċaw mal-art.
Minkejja l-protesti tal-players Kroati, ir-referee Taljan Daniel Orsato, ma riedx japplika il-VAR u għaldaqstant baqa’ jsostni d-deċiżjoni tiegħu.
Mill-11-il metru, Messi ma falliex biex dan il-goal iddemoralizza għal kollox lill-players Kroati li tilfu għal kollox il-konċentrazzjoni u għaddew l-inizjattiva lill-avversarji tagħhom biex l-Arġentini ddominaw għal kollox dan il-konfront.
Min-naħa tal-Marokkini, dawn kienu sfida denja għall-Franċiżi minkejja li sofrew goal wara biss ħames minuti.
Wieħed irid jgħid ukoll li huma tilfu s-servizzi ta’ tliet players kmieni fil-logħba – Noussair Mazraoui, Romain Saiss u Nayef Aguerd, b’dan tal-aħħar kellu jabbanduna lit-team waqt il-warm-up.
Wara li daħlu jistrieħu fi żvantaġġ ta’ goal, fit-tieni taqsima l-Marokkini żiedu l-pressjoni fuq il-lasti avversarji fit-tentattiv li jiksbu d-draw … u resqu viċin diversi drabi iżda naqsu li jinkwadraw il-lasti … biex f’attakk korali tal-Franċiżi, is-sostitut Randal Kolo Muani, li kien ilu biss 44 sekonda fil-ground, xeħet fix-xibka wara azzjoni personali ta’ Kylian Mbappe. Dan il-goal qatel kull tama għall-Marokkini.
Iż-żewġ coaches mistennija jagħmlu xi bidliet mil-logħba preċedenti.
Għall-Kroazja, Marcelo Brozovic jinsab dubjuż wara li weġġa’ kontra l-Arġentina u l-post tiegħu jista’ jimtela minn Lovro Majer u Kristijan Jakic filwaqt li d-difensur ċentrali Josip Sutalo jista’ jieħu Josko Gvardiol.
Min-naħa tal-Marokk, Saiss se jkun nieqes minħabba injury fil-hamstring filwaqt li Mazraoui u Aguerd se jsirilhom test aħħari. Yahia Attiyat u Selim Amallah mistennija jirritornaw wara injury ħafifa.