Thursday, December 26, 2024

TTD 2022 – Malta ttemm fi draw meritat kontra Ċipru b’goal drammatiku

Aqra wkoll

Ritratt: Domenic Aquilina

Ċipru ……..2

Mala ………2

Malta temmet fi draw ta’ 2-2 kontra Ċipru permezz ta’ goal drammatiku fit-tmien minuta tal-ħin miżjud valida minn Grupp H tar-round ta’ kwalifikaz­zjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022. Kien draw meritat  fejn il-goal ma setax wasal f’ħin aħjar.

L-ewwel taqsima kienet kemmxejn diżappuntanti. Dan min­ħabba li l-goal kmieni li sofrejna ddemora­lizza lill-players li damu biex jirriorganizzaw lilhom infushom fejn saħansitra bdew jikkommettu bosta żbajli hekk kif iċ-Ċiprijotti kienu territorjalment superjuri.

Peró l-goal tad-draw, li wasal kmieni fit-tieni taqsima, kien l-injezzjoni morali biex b’mod gradwali l-Maltin bdew jikbru fl-istatura … u minkejja li sofrejna goal ieħor … konna kapaċi nsalvaw ir-riżultat. 

Għal din il-partita, il-coach Devis Mangia wettaq erba’ bidliet fejn daħlu jilagħbu Steve Borg, Triston Caruana, Ryan Camenzuli u Jake Grech minflok Shaun Dimech, Kurt Shaw, Steve Pisani u Joseph Mbong, b’dan tal-aħħar ikun sospiż.

L-ewwel azzjoni waslet fir-raba’ minuta meta d-di­fensur Malti, Enrico Pepe, ikkommetta foul fuq Pieros Sotiriou iżda l-free-kick mogħti minn Grigoris Kastanos intemm ferm għoli.

Peró, żewġ minuti wara, iċ-Ċiprijotti fetħu l-iskor meta fit-tentattiv li jittella’ l-ballun minn wara, kien hemm indeċiżjoni minn Cain Attard kif ukoll minn Triston Caruana, biex il-ballun wasal għand FOTIS PAPOULIS li mmira lejn ir-rokna tas-saqaf tax-xibka u għeleb għal kollox lill-goalkeeper, Henry Bo­nello.

Fit-12-il minuta, il-Maltin ippruvaw jagħmlu reazzjoni meta Teddy Teuma żmarka għal kollox lil Luke Montebello li nġieb waħdu iżda ntla­ħaq minn Costas Sote­riou biex iċ-ċans inħela.

Fid-19-il minuta, Bonello kien providenzjali meta antiċipa t-tentattiv ta’ Soteriou li kkonnettja mill-cross fit-tul ta’ Nicolas Ioannou.

Fil-31 minuta, f’attakk tajjeb tal-Maltin, minn pożizzjoni ċentrali, Montebello għadda lejn Jake Grech li minn pożizzjoni angolata xxuttja f’idejn il-goalkeeper Neophytos Michael.

Ir-risposta taċ-Ċiprijotti kienet azzjoni identika meta  Marios Demetriou xeħet lejn Charalambos Kyriaki­dis iżda minn tarf  il-kaxxa ż-żgħira kkontrolla ħażin biex il-ballun spiċċa f’idejn il-goalkeeper Malti.

Fit-38 minuta, il-goalkeeper Ċiprijott ħareġ jikkontrolla l-ballun barra l-kaxxa iżda spiċċa f’saqajn Montebello li pprova jillobja għal ġox-xib­ka peró t-tentattiv tiegħu kien wisq diżappuntanti min­ħabba li ma rnexxielux jagħmel dan. 

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, iċ-Ċiprijotti resqu viċin meta Demet­riou xeħet cross insidjuż iżda Cain Attard kien puntwali  biex innewtralizza lil Ky­riakidis li seta’ skorja bir-ras.

Fit-52 minuta, il-Maltin rebħu corner meta Teuma għadda lejn Grech fuq  il-lemin li xeħet lejn Ryan Camenzuli fuq it-tieni lasta iżda kien hemm devjazzjoni mid-difiża avversarja.

U mill-istess corner, mogħ­­ti minn Steve Pisani, il-Maltin kisbu d-draw minn daqqa ta’ ras stupenda ta’  ZACH MUSCAT li skorja l-ewwel goal bil-flokk naz­zjonali Malti.

Fis-70 minuta, Jurgen Degabriele, li kien ilu ftit sekondi fil-ground kien għoddu skorja t-tieni goal Malti iżda l-goalkeeper Ċiprijott xeħet f’corner. U mill-istess corner, Steve Pisani dawwar il-ballun għal ġol-lasti,  bil-goalkeeper avversarju jippanċja ħażin … bil-ballun jinżel ma’ sieq il-lasta u jinqala’ ‘l barra bi sfortuna għalina.

Fit-80 minuta, f’kontrattakk veloċi, iċ-Ċiprijotti marru fil-vantaġġ meta Bonello laqa’ parzjalment ix-xutt ta’ Grigoris Kastanos bil-ballun jasal għand Pittas li għadda lejn Pieros Sotiriou li b’xutt fil-baxx ma żbaljax.

Peró fit-98 minuta, mill-free-kick ta’ Teuma, JURGEN DEGABRIELE xellef il-ballun għal ġewwa biex tefa’ lill-kamp Malti f’dellirju ta’ ferħ.

ĊIPRU: 22-Neophytos Michael, 3-Marios Antoniades, 4-Nicolas Ioannou, 7-Marios Demetriou (5-Paris Psaltis 86), 8-Charalambos Kyriakidis (6-Alex Gogic 80), 10-Pieros Soti­riou, 14-Stelios Andreou (23-Ioannis Pittas 78), 15-Fotis Papoulis (13-Nikolas Panagiotou 85) 16-Costas Soteriou, 17-Loizos Loizou (Andro­nikos Kakoulis 60), 20-Grigo­ris Kastanos  – Coach: Nikolaos Kostenoglou

MALTA: 1-Henry Bonello (16-Jake Galea 82), 3-Ryan Camenzuli, 4-Steve Borg (57-Kurt Shaw 57), 8-Jake Grech (18-Jurgen Degabriele 70), 9-Luke Montebello, 11-Paul Mbong (21-Shaun Dimech 71), 13-Enrico Pepe, 17-Teddy Teuma, 19-Cain Attard, 22-Zach Muscat, 23-Triston Caruana (10-Steve Pisani 46) – Coach: Devis Mangia

REFEREE: Dennis Higler (Olanda)

ASS. REFEREES: Erwin Zeinstra, Mario Diks (Olanda)

RABA’ UFF.: Jeroen Manschot (Olanda)

SKORERS: F. Papoulis 7, P. Soti­riou 80 (Ċ); Z. Muscat 53, J. Degabriele 98 (M)

AMMONITI: M. Demetriou, P. Sotiriou, N. Ioannou (Ċ); T. Teuma (M)

Ekonomija

Sport