Friday, November 14, 2025

TTD 2026: Henry Bonello strumentali fl-ewwel rebħa għal Malta

Aqra wkoll

Finlandja ……0

Malta …………1

Malta kisbet l-ewwel rebħa fi Grupp G tal-fażi tal-kwalifikazzjoni tat- Tazza tad-Dinja 2026, meta barra minn xtutna għelbet lill-Finlandja bl-iskor ta’ 1-0.  

Iżda jekk l-iskorer Jake Grech jingħata l-prosit, l-unuri għandhom imorru għand il-goalkeeper, Henry Bo­nello, li ċaħħad diversi drabi lill-Finlandiżi milli jsibu x-xibka u kien garanzija ma­tul il-logħba kollha.

Mal-bidu tal-partita, il-Fin­landiżi taw l-impressjoni li kienu se jheddu mill-faxex laterali minħabba li kienu aktar b’saħħit­hom u veloċi.

Iżda mal-ħin, il-players tagħna ssetiljaw u bdew jaqsmu l-logħob mal-avversarji.

Mill-punt pożittiv, id-difiża kienet waħda organiz­zata u kompatta … iżda mill-punt negattiv ma ndriz­zajniex xutt lejn il-lasti avversarji.

Fit-tieni taqsima, l-avversarji tagħna ħarġu fuq l-offensiva fejn ġiegħlu lill- players tagħna jirtiraw lura iżda bdew jassorbu l-pres­sjoni għalkemm f’xi waq­tiet dehru f’paniku … iżda baqgħu konċentrati u b’determinazzjoni kbira taw il-massimu tagħhom fejn spikka l-ispirtu kumbattiv u ma ċedew  qatt.   

Minkejja li kienu l-Maltin li mas-suffara inizjali ħarġu l-aħjar, wara tliet minuti, il-Finlandiżi resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta Adam Markhiev ħarab in-nasba tal-offside fuq il-faxxa laterali, xeħet cross fit-tul fejn Ryan Mahuta niżżel bir-ras lejn Benjamin Kallman li minn tarf il-kaxxa ż-żgħira ra t-tentattiv tiegħu jaħbat mal-wieqfa u mir-rebound Joel Pohjanpalo pprova daqqa ta’ takkuna li ġiet maqlugħa mnn fuq il-linja fatali minn Kurt Shaw.

Fis-sitt minuta, il-goal­keep­er, Henry Bonello, kien providenzjali meta salva x-xutt b’saħħtu ta’ Pohjanpalo.

Ir-reazzjoni tal-Maltin was­let fil-15-il minuta iżda fl-ewwel attakk tagħna, Matthew Guillaumier kien erratiku fil-cross tiegħu biex iċ-ċans inħela.

Fid-19-il minuta, Oliver Antman xeħet cross mix-xellug lejn Kallman li naqas li jagħmel kuntatt f’pożizzjoni ideali.

Wara din l-azzjoni, il-logħob sar wieħed bilanċjat minn kaxxa sa kaxxa fejn iż-żewġ difiżi ma tantx taw spazju lill-attakkanti avversarji, bil-players Finlandiżi jirrikorru għal bosta fouls.

Fil-35 minuta, Bonello wettaq save kbir fuq Po­h­janpalo li minn taħt il-lasti pprova jikkonkludi mill-cross ta’ Oliver Antman.

Minuta wara, Bonello reġa’ kien strumentali għall- Maltin meta Adam Mark­hiev fetaħ lid-difi­ża Maltija … għadda lejn Antman li b’xutt bid-dawra ħaseb li fetaħ l-iskor għall-Finlandiżi … iżda l-goalkeeper Malti xeħet f’corner b’titjira spetta­ko­lari.

Fl-40 minuta, Zach Muscat antiċipa fil-ħin lil Antman f’tarf il-kaxxa li deher li kien se jaħrab waħdu.

Fit-53 minuta, Marhiev ingħata l-ispazju f’tarf il-kaxxa biex seta’ jdur u jfajjar xutt iżda sab lil Bonello attent li dawwar f’corner. U mill-istess corner, Miro Tenho pprova jinganna lill-goalkeeper Malti bil-konklużjoni tiegħu tinżel fuq ix-xibka minn barra.

Żewġ minuti wara, Bonello reġa’ kien l-eroj għal Malta mix-xutt ta’ Walta, li bl-għajta tal-goal, wettaq save brillanti.

Fis-70 minuta, Antman daħal fil-kaxxa ffullata mill-players fejn irnexxielu jdur ma’ tnejn minnhom … sab l-ispazju … ixxuttja … iżda sab lil Bonello jsalva b’siequ biex għal darb’oħra evita goal ieħor.

Fis-77 minuta, il-Finlan­diżi resqu ferm viċin iżda  Robin Lod ra lil Muscat u mbagħad lil Pepe jinnewtralizzaw il-konklużjoni tie­­għu bil-ballun jintemm f’corner.

Peró, fit-82 minuta, kontra x-xejra tal-logħob u fl-uniku xutt li ndirizzajna, skorjajna dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa meta Ilyas Chouaref qabad ballun fuq il-faxxa xellugija, isserrep ma’ żewġ difensuri avversarji … kompla lejn is-sostitut JAKE GRECH li minn tarf il-kaxxa immira lejn ir-rokna tax-xibka biex għeleb għal kollox lill-goalkeeper, Viljami Sinisalo.

FINLANDJA: 12-Viljami Sinisalo , 2-Juho Lahteenmaki, 5-Miro Tenho, 6-Leo Walta, 7-Oliver Antman (18-Topi Keskinen 78), 11-Adam Marhiev (9-Naatan Skytta 73), 14-Kaan Kairinen, 15-Ryan Mahuta (13-Oiva Jukkola 73), 19-Benjamin Kallman (10-Teemu Pukki 78), 20-Joel Pohjanpalo (8-Robin Lod 61), 21-Ville Koski – Coach: Jacob Friis

MALTA: 1-Henry Bonello, 5-Kurt Shaw, 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong (3-Adam Magri Overend 65) , 8-Paul Mbong (9-Jake Grech 79), 11-Irvin Cardona (17-Andrea Zammit 88),  13-Enrico Pepe (2-Jean Borg 88), 20-Ilyas Chouaref, 21-Juan Carlos Corbalan, 22-Zach Muscat (14-Gabriel Bohrer Mentz 79), 23-Alexander Satariano – Coach: Emilio De Leo

REFEREE: Julian Weinber­ger (Awstrija)

ASS. REFEREES: Maximilian Kolbitsch, Michael Obritzberger (Awstrija)

RABA’ UFF: Stefan Ebner (Awstrija)

SKORER: J. Grech 82 (M)

AMMONITI: Ħadd

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport