Minn Cristian Muscat
It-team nazzjonali Malti, jimmira li jkompli jibni fuq il-wirja ferm pożittiva li ssarrfet f’rebħa storika ta’ 1-0 barra minn darna kontra l-Finlandja, valida mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, meta llum jaffronta lit-team qawwi tal- Polonja, fl-Istadium Nazzjonali.
Min-naħa l-oħra, il-Polonja ġejjin minn draw ta’ 1-1 f’darhom kontra l-Olanda, b’dawn tal-aħħar jinsabu favoriti netti li jikkwalifikaw meta jospitaw lil-Litwanja.
L-objettiv tal-Pollakki huwa li jinżlu għal rebħa minħabba li jridu jaċċertaw posthom fil-play-offs li se jintlagħbu f’Marzu li ġej.
Fil-konfront dirett preċedenti, il-Maltin sfaw megħluba mill-istess Polonja bl-iskor ta’ 2-0, f’Marzu li għadda.
Ir-rekord kontra l-Polonja huwa wieħed negattiv meta ż-żewġ timijiet iltaqgħu ħames darbiet li fihom il-Pollakki ħarġu dejjem rebbieħa fejn skorjaw 15-il goal hekk kif il-Maltin għadhom iridu jsibu x-xibka avversarja.
Filwaqt li għall-Maltin se jirritornaw Teddy Teuma u Ryan Camenzuli minn sospensjoni, il-Pollakki se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Krzystof Piatek u tal-goalkepper Lukasz Skorupski minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Fil-formazzjoni tagħhom, wieħed jinnota ismijiet ta’ ċerta portata fix-xena tal- football internazzjonali fosthom Piotr Zielinski ta’ Inter u Matty Cash ta’ Aston Villa … minbarra l-attakkant ta’ Barcelona, Robert Lewandowski, li wasal Malta fost sigurtá stretta.
Il-coach nazzjonali, Emilio De Leo, flimkien ma’ Jake Grech indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn spjega l-kundizzjoni tat-team u l-preparazzjonijiet tiegħu qabel l-aħħar partita ta’ din il-kampanja.
Huwa qal li minħabba l-vjaġġ ta’ wara l-logħba kontra l-Finlandja, ilbieraħ kienet l-ewwel u l-unika opportunità biex jiġu evalwati l-players qabel il-logħba.
De Leo tenna l-importanza li Teddy Teuma u Ryan Camenzuli reġgħu lura mal-grupp, u rrimarka li d- disponibbiltà tagħhom hija vantaġġ sinifikanti. Huwa faħħar u wera apprezzament lejn Jake Grech.
De Leo fakkar mumenti li wrew il-karattru ta’ Grech, inkluż meta ħallieh fuq il-bank: “Kellu dmugħ f’għajnejh, u dan jagħmlu player speċjali. Mhix koinċidenza li qed nafdaw fih.”
Rigward il-partita kontra l-Polonja, De Leo insista li minkejja li Malta se tkun qed tiffaċċja team b’saħħtu, it-team tiegħu m’għandux iħossu vittma. Minflok għandu juri karattru, jesprimi l-kwalitajiet tiegħu, jibqa’ pożittiv u ma jħallix ruħu jiġi skoraġġut.
“Dan il-perjodu internazzjonali jagħtina xi ħaġa li ma kellniex f’dawk ta’ qabel. Għadna qed inrawmu team. Ir-riżultati huma ħaġa, iżda l-wirjiet urew titjib kbir,” huwa temm jgħid.
Min-naħa tiegħu, Jake Grech, tkellem dwar il-goal tiegħu. Huwa ddeskriva l-ewwel goal internazzjonali tiegħu bħala “sodisfazzjon doppju,” hekk kif din kienet l-ewwel rebħa barra minn xtutna fi 12-il sena.
Madankollu, huwa nnota li t-team spiss ħareġ mill-ground diżappuntat matul il-logħbiet, u jemmen li setgħu kisbu aktar punti u approfittaw minn aktar ċansijiet speċjalment fil-logħba f’pajjiżna kontra l-Finlandja u dik kontra l-Litwanja.
Li jiskorja għal Malta, huwa qal li kienet, “emozzjoni inkredibbli u li ma tistax tiddeskriviha,” u żied jgħid li tilgħab mat-team nazzjonali hija l-ħolma ta’ kull player u li tpoġġi ismek fuq il-lista tal-iskorers huwa bonus.
Grech jinsab ħerqan għall-konfront kontra Robert Lewandowski u sħabu, u sejjaħlu opportunità imprezzabbli. “Dejjem opportunità biex titgħallem. Aħna xxurtjati li naqsmu l-ground ma’ leġġendi bħal dawn.”

