Wednesday, December 3, 2025

TTD 2026: Illum Malta tilgħab kontra l-Finlandja

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Wara numru ta’ logħbiet intensivi fi Grupp G tal-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2026, Malta se tiltaqa’ mal-Finlandja, f’Helsinki Olympic Stadium, fis-6.00 pm, ħin lokali. Din il-logħba hija s-seba’ ħarġa għat-team immexxi mill-coach, Emilio de Leo, f’din il-fażi tal-gruppi.

Il-Finlandja, attwalment jinsabu fit-tielet post, b’10 punti minn seba’ logħbiet u huma team magħruf għall-kalma u l-organizzazzjoni difensiva tagħhhom kif ukoll il-kapaċità li jagħmlu tranżizzjoni­jiet veloċi mill-midfield għall-attakk.

Fl-aħħar logħbiet, il-Finlandja tilfu kontra l-Olanda (4-0), għelbu lil-Litwanja (2-1) u sfaw megħluba mill-Polonja (3-1).

Din il-logħba kontra Malta se tkun opportunità biex it-team isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu u jittama li l-Polonja jieħdu żelqa biex ikun hu li jtemm fit-tieni post.

Il-coach, De Leo, għażel skwadra mħallta bejn elementi ta’ esperjenza u players żgħażagħ.

Huwa sejjaħ għall-ewwel darba lill-goalkeeper Matthias Debono (Naxxar L.) u li Sven Xerri (Hamrun S.).

Iżda se jkollu jgħaddi mingħajr iż-żewġ players influwenti,  Ryan Camenzuli u Teddy Teuma, minħabba li jinsabu sospiżi.

Sadanittant, Trent Buhagiar, li bħalissa jilgħab f’Singapore, ġie inkluż għal darba oħra wara li l-aħħar dehra tiegħu fl-iskwadra kienet f’Marzu li għadda.

Fl-istess waqt, id-difensur James Carragher, jirritorna hekk kif irkupra minn injury wara li tilef il-logħbiet internazzjonali ta’ Settembru u Ottubru.

Basil Tuma rritorna wkoll fl-iskwadra wara li tilef il-logħbiet preċedenti, u dan juri selezzjoni bilanċjata bejn esperjenza u żgħażagħ promettenti.

Fl-aħħar logħbiet, il-Maltin tilfu kontra l-Olanda 4-0 u mbagħad f’logħba ta’ ħbi­berija kontra l-Bosnja (4-1).

Iżda, f’Settembru Malta għelbet lil San Marino (3-1) u spiċċat fi draw ta’ 2-2 kontra l-Litwanja.

Nota interessanti hija li l-goalkeeper, Henry Bonello, illum jikser ir-rekord ta’ David Cluett bħala l-aktar goalkeeper li lagħab għal Malta f’total ta’ 70 partita.

Il-coach tat-team nazzjonali Malti, Emilio De Leo, u l-goalkeeper, Henry Bonello, ilbieraħ indirizzaw konferenza stampa lejlet din il-partita fejn tkellmu b’mod pożittiv.

De Leo rrikonoxxa l-qawwa tal-avversarji Nordiċi, u ddeskriva lill-Finlandja bħala “team b’saħħtu, bi struttura fiżika soda, fir-ritmu, fit-tranżizzjonijiet u fil-kontrattakki.”

“L-objettiv ewlieni tagħna,” qal De Leo, “huwa li nimmaniġġjaw il-logħba, nippruvaw inżommu l-pussess tal-ballun u nuru l-kwalitajiet tekniċi tagħna. Se nkunu qed niffaċċjaw team Nordiku solidu, tajjeb ħafna biex jagħlaq l-ispazji, u għalhekk irridu nkunu lesti biex nuru l-personalità tagħna, naqraw id-dwelli fiżiċi, u npoġġu l-pjan tal-logħba tagħna fil-ground.”

Il-coach Taljan ċaħad l-idea li l-aħħar perjodu internazzjonali kien wieħed diżappuntanti.

“Rigward ir-riżultati, iva, ma kienx ideali,” huwa qal. “Imma m’għandniex niġġudikaw il-progress tagħna biss mir-riżultati. Irridu niffukaw fuq it-titjib u l-vjaġġ tagħna bħala team. Jekk inħarsu lejn il-partiti ta’ Settembru, kontra San Marino u l-Litwanja, kienu prestazzjonijiet tajbin li taw indikazzjonijiet pożittivi u kif ukoll lezzjonijiet mill-iżbalji tagħna. Il-bilanċ huwa importanti — kemm f’mumenti taj­bin kif ukoll f’dawk diffiċli.”

De Leo enfasizza wkoll l-importanza li t-team iżomm il-fidi u d-determinazzjoni, speċjalment meta jiffaċċja oppożizzjoni ogħla fil-klassifika.

“Din hija opportunità biex niffaċċjaw timijiet kbar, u rridu nieħdu vantaġġ minnha. M’aħniex il-vittmi, u lanqas se nidħlu f’din  l-partita naħsbu li d-destin tagħna diġà huwa miktub. Irridu nibqgħu nissieltu sal-aħħar nuru li naħdmu b’serjetà u mpenn. Se tkun logħba kumplessa ħafna, imma anke f’dawn iż-żewġ logħbiet diffiċli li ġejjin nistgħu nagħmlu affarijiet tajbin, u se nippruvaw sal-aħħar.”

Sadanittant, il-goalkeeper veteran, Hen­ry Bonello, kompla mal-messaġġ ta’ ottimiżmu u prospettiva tal-coach tiegħu.

“Ma naħsibx li l-aħħar partiti kienu ħżiena,” qal Bonello. “Iva, ma ksibniex ir-riżultati li xtaqna, iżda qegħdin fit-triq it-tajba – f’termini ta’ stil ta’ logħob. Kontra l-Bosnja ħloqna diversi ċansijiet u r-riżultat ma rriflettiex b’mod ġust il-prestazzjoni tagħna. Jekk inkunu aktar aggressivi u nieħdu ċ-ċansijiet tagħna, nistgħu nkunu f’pożiz­zjoni aħjar.”

Meta tkellem dwar din il-partita, Bonello sostna li t-team se jibqa’ ffukat u motivat.

“Ninsabu ħerqana li nilagħbu logħba taj­ba u, nittamaw li niksbu riżultat pożittiv. Il-play-offs f’Marzu se jkunu mira importanti, u nittamaw li naraw il-frott tax-xogħol tagħna dak iż-żmien.”

Il-partita se tintlagħab f’Helsinki Olympic Stadium, fis-6.00 pm, u  se tkun imxandra diretta fuq TVMSport+.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport