It-team nazzjonali Malti jerġa’ lura għall-impenji internazzjonali meta llum jilgħab kontra l-Litwanja fir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza 2026.
Il-coach, Emilio De Leo, ħabbar l-iskwadra finali li tinkludi taħlita ta’ esperjenza u żgħażagħ li huma meqjusa l-futur tat-team nazzjonali.
Bla dubju, Malta kellha bidu diffiċli fil-grupp. L-ewwel partita kienet waħda kuraġġuża kontra l-Finlandja, li ntemmet f’telfa ta’ 1-0, fejn il-Maltin żammew il-pass mal-avversarji iżda spiċċaw iħallsu għal żball wieħed.
Fit-tieni logħba kontra l-Polonja, Malta spiċċat ukoll fuq in-naħa telliefa bl-iskor ta’ 2-0 liema riżultat wera d-differenza tal-livell bejn iż-żewġ timijiet.
Fil-partita kontra Litwanja, f’Ġunju li għadda, Malta rnexxielha toħroġ b’punt importanti meta spiċċat fi draw ta’ mingħajr goals li ntlaqa’ b’sodisfazzjon kbir fi grupp ferm diffiċli.
Iżda minkejja kollox, il- konfront kontra l-Olanda kien wieħed ferm diffiċli, bl-iskor ta’ 8-0, li esponew l-limitazzjonijiet tagħna minn oppożizzjoni tal-ogħla livell.
Malta tidħol għal dan il-konfront kontra Litwanja bi ħtieġa ta’ riżultat pożittiv biex tibqa’ tissielet għall-post rispettabbli fil-grupp.
Il-Litwani wkoll kellhom sitwazzjoni imħallta s’issa. Waqt li fetħu b’telfa minima ta’ 1-0 kontra l-Polonja, huma wrew reżiljenza kbira meta kisbu draw ta’ 2-2 kontra Finlandja.
Il-Litwani jinsabu punt fuq Malta fil-klassifika u għaldaqstant din il-partita se tkun kruċjali għalihom ukoll biex jibqgħu fit-taqtiegħa sabiex jevitaw l-aħħar post.
It-team Litwan huwa mmexxi mill-coach, Edgaras Jankauskas, eks-player professjonali li ilu fil-kariga mill-2023 u għandu kuntratt sa Diċembru 2026.
Jankauskas qed jiffoka fuq l-iżvilupp tat-talent lokali fil-kompetizzjonijiet internazzjonali. Fil-preżent, il-Litwani jinsabu fil-144 pożizzjoni tar-rankings tal- FIFA u għaldaqstant mhijiex impossibbli li niksbu riżultat pożittiv.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, De Leo stqarr li t-telfa kontra l-Olandiżi kienet ferm diżappuntanti, iżda saħaq li dawn il-logħbiet huma parti mill-proċess tat-tkabbir tat-team.
“Dawn huma l-logħbiet li nitgħallmu minnhom,” qal il-coach De Leo. “Irridu ngħixuhom, inħossuhom għax dawn jgħallmuna ħafna.”
De Leo kkonferma li l-identità u l-approċċ ta’ Malta baqgħu l-istess, anke jekk ġew imsejħa tliet players ġodda fil-iskwadra.
“Għalkemm għandna wċuh ġodda, l-identità tagħna mhijiex differenti. Il-players reġgħu lura b’aktar rieda u serenità. Il-players ġodda ngħaqdu magħna biss it-Tlieta, u ltaqjna uffiċjalment fil-għaxija, iżda wrew kemm huma tajbin, kemm huma disponibbli u kemm integraw tajjeb.”
It-tliet players ġodda ġabu magħhom esperjenza internazzjonali, għatx u enerġija friska li Emilio De Leo jemmen li se jkunu kruċjali mhux biss għall-partita tal-lum, iżda wkoll għall-iżvilupp fit-tul tat-team nazzjonali. Il-coach enfasizza l-importanza li jinstab bilanċ bejn il-players internazzjonali b’esperjenza u t-talenti emerġenti. Din it-taħlita hija meqjusa bħala vitali biex tinbena l-kontinwità – team li jista’ jikkompeti llum filwaqt li jipprepara bil-mod għall-futur.
De Leo semma’ wkoll ismijiet li qed jispikkaw bħal Keyon Ewurum, Jake Azzopardi u James Sissons, li flimkien ma’ Kean Scicluna jirrappreżentaw il-ġenerazzjoni li jmiss tal-football Malti.
“Huma l-wiċċ tat-team nazzjonali ta’ għada,” qal De Leo, u enfasizza li dawn iż-żgħażagħ qed jitgħallmu kuljum mingħand il-veterani ta’ madwarhom.
Madankollu, Malta se jkollha tgħaddi mingħajr xi ismijiet importanti. Kemm Teddy Teuma kif ukoll Matthew Guillaumier huma indisponibbli, u dan iħalli lit-team mingħajr żewġ mexxejja naturali f’nofs il-ground.
James Carragher — żieda riċenti li kien addatta malajr mal-ħtiġijiet tal-iskwadra — ukoll mhux se jkun disponibbli. L-assenza tagħhom se tinħass, iżda tiftaħ ukoll il-bieb għal għażliet ġodda u friski.
Hekk kif Malta tħares lejn l-isfida kontra l-Litwanja, Emilio De Leo rrikonoxxa l-organizzazzjoni soda u l-preżenza fiżika tagħhom. “Il-Litwanja wrew li huma team organizzat ħafna u jilagħbu stil modern ta’ football. Huma żammew rashom mgħollija anke kontra timijiet aktar b’saħħithom. Irridu nkunu intelliġenti biex nikkumpensaw għall-fiżikalità tagħhom u nuru l-kwalitajiet tagħna,” qal De Leo.
Il-logħba se tintlagħab f’Dariaus ir Gireno Stadium, fil-belt ta’ Kaunas, fis-6.00 pm, u se tintwera diretta fuq TVMSports+.