Thursday, October 9, 2025

TTD 2026: L-Olanda wisq superjuri għall-Maltin

Aqra wkoll

Malta ………0

Olanda ….…4

Minn Cristian Muscat

Malta sofriet telfa ta’ 4-0 kontra l-Olanda liema partita kienet valida mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026.

Wara taqsima dixxiplinata fejn il-Maltin bdew jagħlqu l-ispazji neċessarji, kellu jkun penalty li bih l-Olandiżi daħlu jistrieħu fil-vantaġġ ta’ goal.

Iżda l-players tagħna sfaxxaw fil-bidu tat-tieni taqsima hekk kif sofrejna żewġ goals li bihom l-avversarji tagħna bil-kalma kol­lha bdew jiddettaw l-andament tal-logħob u kienu superjuri mingħajr ma għamlu affarijiet kbar. 

Kienu l-Maltin li ħolqu l-ewwel periklu wara biss żewġ minuti meta indeċiżjoni fid-difiża tal-Olanda mill-captain Virgil van Dijk, il-ballun intemm għand Joseph Essien Mbong li qud­diem il-goalkeper Olan­diż, Bart Verbruggen, tefa’ inkredibbilment barra.

L-Olanda wieġbu fl-10 minuta meta Tijjani Reijn­ders kellu x-xutt minn tarf il-kaxxa salvat mill-goalkeeper Henry Bonello, li f’din il-partita laħaq ir-rekord ta’ David Cluett, tal-aktar dehriet mat-team nazzjonali bejn il-lasti, b’total ta’ 69.

Minuta biss wara, l- Olandiżi rebħu penalty meta Kurt Shaw waqqa’ lil Ryan Gravenberch fil-kaxxa, bil-ballun jinetmm għand Wout Weghorst li mill-vċin tefa’ ġewwa, bir-referee Kroat, Duje Strukan, l-ew­wel jikkonvalida l-goal iżda mbagħad ordna penalty li minnu  permezz ta’ xutt fil-baxx CODY GAKPO tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Fit-12-il minuta Gakpo kien għoddu rreġistra doppjetta personali iżda kellu t-tentattiv tiegħu minn pożizzzjoni ideali jistampa mal-wieqfa, bil-Maltin jeħilsuha ħafif.

L-Olandiżi komplew jippressaw b’Gakpo jkompli jirriżulta bħala theddida kontinwa għad-difiża Malti­ja iżda din id-darba falla l-mira.

Fil-35 minuta, ersaqna ferm viċin li niksbu d-draw meta azzjoni korali spiċċat għand Chouaref li bl-għajta tal-goal, it-tentattiv tiegħu ġie mblukkat f’corner minn Denzel Dumfries.

L-Olanda wieġbu fid-39 minuta u kellhom ferħa bla temma meta l-ewwel ir-refe­ree ordna penalty, hekk kif wara li rċieva minn freekick ta’ Gakpo, Weghorst, żmarkat għal kollox kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin taħbat ma’ id Kurt Shaw, bl-istess referee iżda wara konsultazzjoni mal-VAR jerġa’ lura mid-deċiżjoni tiegħu u jħassar dan il-penalty minħabba li id id-difensur Malti ma kinetx maħruġa ‘l barra. 

It-tieni taqsima bdiet b’penalty ieħor favur l-avversarji tagħna meta Enrico Pepe kkommetta foul bla bżonn fuq Weghorst … biex CODY GAKPO reġa’ għeleb lil Bonello għat-tieni darba mill-11-il metru.

Fl-49 minuta, b’fortuna għall-Maltin il-pass ta’ Reijnders lejn Gakpo kien kemm­xejn twil li kien f’po­żizzjoni perikoluża. 

L-Olandiżi komplew jip­pressaw u fis-57 minuta kel­lhom goal imħassar meta Gakpo mill-viċin tefa’ fis-saqaf tax-xibka iżda r-re­feree Strukan kien pront ħassar dan il-goal għal po­żizzjoni ta’ offside.

Iżda huma ma kellhomx jiġu mċaħħda mit-tielet goal minuta biss wara meta wara indeċiżjoni fid-difiża ta’ Bo­nello, il-ballun intemm għand Gakpo li kompla lejn TIJJANI REIJNDERS li minn pożizzjoni ċentrali b’xutt fil-baxx ma ħafirx. 

L-Olandiżi komplew jiddominaw u fid-79 minuta, is-sostitut Memphis Depay indirizza cross li sab lil Dumfries li kellu d-daqqa ta’ ras mill-viċin salvata taj­jeb minn Bonello.

Fil-ħin miżjud, l-Orangje ssiġillaw ir-rebħa permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ MEMPHIS DEPAY, b’dan ikun it-53 goal tiegħu biex kompla jikkonferma bħala l-aqwa skorer ta’ kull żmein tal-Olandiżi.

MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli, 5-Kurt Shaw, 6-Matthww Guillaumier, 7-Joseph Essien Mbong (22-Adam Magri Overend 72), 9-Ilyas Chouaref (19-Jodi Jones 84), 10-Teddy Teuma (17-Kemar Reid 84), 11-Irvin Cardona (14-Basil Tuma 87), 13-Enrico Pepe, 21-Juan Carlos Corbalan, 23-Alex Satariano (8-Yannick Yankam 72)  – Coach: Emilio De Leo

OLANDA: 1-Bart Verbruggen, 3-Jurrien Timber, 4-Virgil van Dijk, 8-Ryan Gravenberch, 9-Wout Weghorst (10-Memphis Depay 67), 11-Cody Gakpo (7-Xavi Simons 85), 12-Jeremie Frimpong (18-Donvel Malen 67), 14-Tijjani Reijnders, 15-Micky van de Ven (17-Quilindschy Hartman 85), 21-Frenkie de Jong (19-Justin Kluivert 67), 22-Denzel Dumfries- Coach: Ronald Koeman

REFEREE: Duje Strukan (Kroaz­ja)

ASS. REFEREES: Alen Jaksic, Marjan Tomas (Kroazja)

RABA’ UFF: Patrik Kolaric (Kroazja)

SKORERS: C. Gakpo 12 pen, 48 pen, T. Reijnders 58, M. Depay 93 (O)

AMMONITI: R. Camenzuli, E. Pepe, I. Cardona, K. Shaw, T. Teuma, A. Magri Overend (M);  V. van Dijk, M. Depay (O)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport