Saturday, June 7, 2025

TTD 2026 – Malta tikseb l-ewwel punt fir-round ta’ kwalifikazzjoni

Aqra wkoll

Malta ……..0

Litwanja ….0

Minn Cristian Muscat

Il-Maltin kisbu l-ewwel punt, minn tliet partiti, fir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, meta fl-Istadium Nazzjonali temmew fi draw ta’ bla goals kontra l-Litwanja f’liema konfront il-players tagħna mmaturaw fit-tieni taqsima.

Għal dan il-konfront il- Maltin kellhom jgħaddu mingħajr it-tliet players sos­piżi, Ilyas Chouaref, Kurt Shaw u Gab­riel Bohrer Mentz, b’dawn tal-aħħar jir­ritornaw għall-partita kontra l-Olanda fi Groningen, nhar it-Tlieta li ġej, filwaqt li Chouaref jiskonta t-tieni u l-aħħar sospensjoni.

Il-coach Malti, Emilio De Leo, beda b’formazzjoni ta’ 4-2-3-1 b’Paul Mbong kien l-iktar player avvanzat. Sistema simili uża l-coach Edgaras Jankauskas li mill- banda l-oħra ħalla lil Gytis Paulaskas bħala l-uni­ku attakkant.

L-ewwel nofs siegħa kienet xi ftit jew wisq tattika bi ftit jew xejn azzjoni­jiet lejn il-lasti avversarji.

Iżda minkejja li l-azzjo­nijiet kienu skarsi, il-partita fiha nnifisha kienet waħda kumbattuta hekk kif iż-żewġ difiżi ftit li xejn taw ċans lill-attakkanti avversarji jsibu l-ispazji u jimma­nuvraw.

Peró, jekk il-Litwani kellhom aktar mill-pussess tal-ballun, il-Maltin qatt ma dehru inferjuri.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet, fl-24 minuta,   meta Alex Satariano għadda lejn Paul Mbong li iżda ġie antiċipat minn Kazukolovas, f’tarf il-kaxxa.

Il-Litwani rrispondew fit-32 minuta  hekk kif free-kick tal-aħjar player tagħhom, Gvidas Gineidis, in­temm għoli.

Fis-36 minuta kien Gytis Paulaskas li avvanza tajjeb u fajjar xutt li spiċċa ftit barra mil-lasti difiżi minn Henry Bonello.

Fit-38 minuta, kien għal darb’oħra Gvidas Gineitis li kellu x-xutt fil-baxx tiegħu devjat iżda Henry Bonello kien ferm attent u laqa’ taj­jeb.

It-tieni taqsima fetħet, b’kontrattakk tal-Litwani fejn Kipras Kazukolovas għadda lejn Artur Dolz­nikov li minn tarf il-kaxxa dawwar il-ballun lejn ir-rokna tas-saqaf tax-xibka … għeleb lil Bonello iżda l-mimduda salvat lit-team Malti.

Ir-reazzjoni tal-Maltin kienet waħda mmedjata hekk kif Zach Muscat xeħet cross lejn Joseph Mbong li kien f’pożizzjoni ideali iżda ġie antiċipat fil-ħin minn Modestas Vorobjovas. 

Fil-55 minuta, Joseph Mbong ħarab fuq ix-xellug iżda f’tarf il-kaxxa ż-żgħira ġie nnewtralizzat minn Edgaras Utkus biex iċ-ċans intilef.

Tliet minuti wara, azzjoni bejn l-aħwa Mbong spiċċat b’Paul igiegħel lill- goalkeeper, Edvinas Germonas, jixħet f’corner bi tbatija.

U mill-istess corner, Joseph Mbong xeħet cross fil-baxxa iżda minn taħt il-lasti Satariano naqas li jmiss il-ballun biex jiddepożitah fix-xibka.

Fis-60 minuta, Teddy Teu­ma għadda lejn Ryan Camenzuli li kien ġej bil-ġirja u minn 30 metru falla l-mira bi ftit. 

Erba’ minuti wara, kellu jkun James Carragher li waqqaf fil-ħin lil Gvidas Ginetis milli jiġi quddiem il-goalkeeper Bonello biex evita periklu serju.

Fl-84 minuta, il-Maltin resqu viċin li jiftħu l-iskor meta d-debuttant Keyon Ewurum għadda lejn Satariano li minn tarf il-kaxxa indirizza l-ballun lejn il-lasti avversarji u kien għoddu ħasad lill-goalkeeper, Edvinas Gertmonas, bil-ballun jgħaddi ftit barra.

Fit-92 minuta, il-Maltin appellaw għal penalty meta d-daqqa ta’ ras ta’ Enrico Pepe, ħabtet ma’ id Utkus, iżda r-referee ġustament ħalla l-logħob għaddej hekk kif id-distanza kienet ta’ nofs metru filwaqt li id id-difensur Litwan kienet ma’ sidru.

MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli, 5-James Carragher, 6-Matthew Guillumier, 7-Joseph Mbong (7-Ky­rian Nwoko 81), 10-Teddy Teuma, 11-Jodi Jones (19-Keyon Ewurum 81), 13-Enrico Pepe, 20-Paul Mbong (9-Basil Tuma 73), 22-Zach Muscat (21-Juan Carlos Corboalan 85), 23-Alexander Satariano – Coach: Emilio De Leo

LITWANJA: 1-Edvinas Germonas, 2-Artemijus Tutyskinas, 3-Edgaras Utkus, 5-Kipras Kazukolovas, 6-Modestas Vorobjovas (8-Gratas Sirgedas 70), 7-Artur Dolznikov (10-Fedor Cernych 70), 9-Gytis Paulauskas, 13-Justas Lasickas, 14-Vykintas Slivka (11-Romualdas Jansonas 81), 15-Gvidas Gineitis, 19-Klaudijus Upstas (22-Paulius Golubic­kas 46) (18-Deividas Sesplaukis 73) – Coach: Edgaras Jankauskas

REFEREE: Marian Barbu (Rumanija)

ASS. REFEREES: Ovidiu Artene, George Florin Neacsu (Rumanija)

RABA’ UFF: Rares Vidican (Rumanija)

SKORERS: Ħadd

AMMONITI: K. Kazukolovas, A. Turyskinas (L); P. Mbong, R. Camenzuli, M. Guillaumier (M)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport