Olanda ……..8
Malta ……….0
Minn Cristian Muscat
Dik li kienet partita ferm mistennija spiċċat f’sessjoni ta’ taħriġ għall-ġganti Olandiżi meta fir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, għelbu lil Malta bl-iskor ta’ 8-0.
Mingħajr tlaqliq, f’din il-logħba spikkaw il-qawwa u l-kwalitá Olandiżi u l-modestá u d-dgħufija tal-Maltin … b’din tkun il-100 telfa għal Malta f’din il-kompetizzjoni.
L-Olanda għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita, u fir-raba’ minuta Xavi Simons xeħet cross fid-direzzjoni ta’ Justin Kluivert li spara xutt minn taħt il-lasta li ntemm ftit għoli.
Fid-disa’ minuta, l-Olandiżi ngħataw penalty meta Juan Carlos Corbalan deher li waqqa’ lil Kluivert fil-kaxxa, bir-referee Spanjol, Ricardo de Burgos, jipponta lejn il-11-il metru wara konsultazzjoni mal-VAR … fejn MEMPHIS DEPAY xeħet lill-goalkeeper Malti, Henry Bonello, fuq in-naħa opposta b’xutt fil-baxx.
L-avversarji tagħna komplew jiddominaw u mal- kwarta logħob, Depay kellu xutt angolat li għadda ftit għoli.
Iżda minuta wara, l-istess MEMPHIS DEPAY ma kellux jiġi mċaħħad meta wara li rċieva minn cross fil-baxx, b’xutt b’saħħtu u preċiż minn tarf il-kaxxa, għeleb għal kollox lill-goalkeeper Malti.
Malta wieġbet għall-ewwel darba fl-20 minuta meta xutt mid-distanza tal-captain Matthew Guillaumier irriżulta bħala pjuttost dgħajjef u ġie salvat mingħajr wisq tbatija mill- goalkeper, Mark Flekken.
Peró, sekondi biss wara, l-Olandiżi għamluhom tlieta minn VIRGIL VAN DIJK meta venven xutt li għadda minn taħt saqajn James Carragher qabel intemm fix-xibka.
Fis-36 minuta, l-Olanda reġgħu heddew il-lasti Maltin meta minn azzjoni ta’ corner, Stefan De Vrij kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra.
It-tieni taqsima kienet bla storja hekk kif sofrejna ħames goals oħra.
Fil-61 minuta, l-Oranjes skorja r-raba’ goal meta Depay għadda lejn XAVI SIMONS li minn pożizzjoni djagonali xeħet fir-rokna tax- xibka.
Fl-74 minuta, is-sostitut DONYELL MALEN ikkonkluda b’mod preċiż mill-pass ta’ Micky Van de Ven.
Fid-79 minuta, l-istess Malen qabeż tliet difensuri u għadda lejn NOA LANG li ddepożita l-ballun fix-xibka.
Fit-80 minuta, DONYELL MALEN żied ieħor filwaqt li fit-92 minuta, Micky Van de Ven issiġilla l-umiljazzjoni għal Malta.
OLANDA: 23-Mark Flekken, 22-Denzel Dumfries (2-Lutsharel Geertruida 79), 6-Stefan De Vrij, 4-Virgil Van Dijk, 15-Micky Van de Ven, 8-Ryan Gravenberch (20-Mats Wieffer 46), 19-Justin Kluivert (9-Wout Weghorst 62), 21-Frenkie De Jong, 7-Xavi Simons, 10-Memphis Depay (18-Donyell Malen 72), 11-Cody Gakpo (17-Noa Lang 46) – Coach: Ronald Koeman
MALTA: 1-Henry Bonello, 21-Juan Carlos Corbalan (9-Basil Tuma 46), 4-Gabriel Bohrer Mentz, 18-James Carragher, 3-Ryan Camenzuli (15-Myles Beerman 82), 6-Matthew Guillaumier, 23-Alex Satariano (17-Jake Azzopardi 81), 2-Adam Magri Overend (5-Kurt Shaw 46), 10-Teddy Teuma (11-Jodi Jones 80), 7-Joseph Essien Mbong, 8-Paul Mbong – Coach: Emilio De Leo
REFEREE: Ricardo de Burgos (Spanja)
ASS. REFEREES: Iker De Francisco, Ivan Masso Granado (Spanja)
RABA’ UFF: José Luis Munuera (Spanja)
SKORERS: M. Depay 9, pen. 16, V. Van Dijk 20, X. Simons 61, D. Malen 74, 80, N. Lang 78, M. Van De Ven 92 (O)
AMMONITI: T. Teuma, M. Guillaumier (M), N. Lang (O)