MALTA …… 2
POLONJA ….3
Minn Cristian Muscat
Wara r-rebħa storika ta’ 1-0 kontra l-Finlandja barra minn darna nhar il-Ġimgħa li għadda, wirja qalbiena mit-team nazzjonali Malti ma kinitx biżżejjed, hekk kif sfajna megħluba mill-qawwa tal- Polonja bl-iskor ta’ 3-2, f’partita li fiha l-Maltin żammew il-pass mal-avversarji matul id-90 minuta.
Għall-Maltin, irritornaw Teddy Teuma u Ryan Camenzuli minn sospensjoni.
Il-Pollakki għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss tliet minuti, Bartosz Slisz, ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda sab lill-goalkeeper, Henry Bonello, attent.
Huma komplew jippressaw u fit-22 minuta, Nicola Zalewski, evita l-kustodja ta’ Kurt Shaw iżda x-xutt fil-baxx għadda jħakkek ma’ sieq il-wieqfa, bil-Maltin jeħilsuha ħafif.
Il-Pollakki baqgħu jiddominaw il-pussess tal-ballun u fit-32 minuta, huma fetħu l-iskor meta mill-freekick ta’ Piotr Zielinski, ROBERT LEWANDOWSKI għola aktar minn Kurt Shaw u b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Henry Bonello …. biex dan kien it-88 goal minn 136 partita għal pajjiżu.
Peró, dan il-goal xejn ma ddemoralizza lill-Maltin … anzi għamlu reazzjoni u bdew jilagħbu football metikoluż biex, fis-37 minuta, meritatament ksibna d- draw.
Ilyas Chouaref beda azzjoni fuq ix-xellug u xeħet lejn Joseph Mbong, li kien żmarkat fuq it-tieni lasta, iżda wiċċ imb’wiċċ mal- goalkeeper, Bartlomiej Dra gowksi, ixxuttja ċentrali u mir-rebound, IRVIN CARDONA fit-tieni tenattiv tiegħu bix-xellug tefa’ l- ballun fix-xibka … biex dan kien l-ewwel goal ta’ Malta kontra l-Pollakki minn sitt konfronti diretti.
Dan il-goal kien l-injezzjoni morali għall-Maltin u fit-42 minuta, resqu qrib li jirduppjaw l-iskor meta Alex Satariano kellu x-xutt fil-baxx salvat tajjeb minn Dragowksi, li iżda, l-istess Satariano seta’ għażel li jgħaddi l-ballun lejn Cardona, li ċertament kien f’pożizzjoni aħjar minnu.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Pollakki resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ free-kick, Lewandowski pprova jillobja l-ballun iżda spiċċa fuq is-saqaf tax-xibka.
Iżda fid-59 minuta, huma rduppjaw meta x-xutt ta’ Lewandowski ġie mblukkat minn Shaw iżda mir-rebound PAWEL WSZOLEK xeħet fix-xibka minn pożizzjoni angolata.
Fit-62 minuta, il-Maltin appellaw għall-penalty meta Teddy Teuma għadda tajjeb lejn Cardona li deher jinġibed minn Jakub Kiwior iżda r-referee Kroat, Igor Pajac, ħalla l-logħob għaddej … u minuta wara l-Pollakki skorjaw minn Michal Skoras iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, il-goal ġie mħassar u l-Maltin ingħataw il-penalty … li minnu TEDDY TEUMA ma żbaljax.
Fit-80 minuta, il-Maltin kienu ferm viċin il-vantaġġ meta x-xutt ta’ Adam Magri Overend minn tarf il-kaxxa ġie salvat bi tbatija minn minn Dragowski.
Iżda fil-85 minuta, il-Pollakki skorjaw il-goal tar-rebħa meta xutt ta’ PIOTR ZIELINSKI mid-distanza ġie devjat minn Gabriel Bohrer Mentz.
MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli, 4-Gabriel Bohrer Mentz (19-Trent Bihagiar 87), 5-Kurt Shaw, 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Essien Mbong (17-Adam Magri Overend 46), 10-Teddy Teuma (13-Enrico Pepe 77), 11-Irvin Cardona (8-Paul Mbong 77), 20-Ilyas Chouaref, 22-Zach Muscat (21-Juan Carlos Corbalan 54), 23-Alex Satariano – Coach: Emilio De Leo
POLONJA: 22-Bartlomiej Dragowksi, 3-Przemyslaw Wisniewski (18-Bartosz Bereszynski 77), 4-Tomasz Kedziora, 9-Robert Lewandowski, 10-Piotr Zielinski, 13-Jakub Kaminski (20-Filip Rozga 91), 14-Jakub Kiwior, 15-Pawel Wszolek (11-Kamil Grosicki 77), 17-Bartosz Slisz (8-Bartosz Kapustka 77), 19-Michal Skoras, 21-Nicola Zalewski (7-Karol Swiderski 46) – Coach: Jan Urban
REFEREE: Igor Pajac (Kroazja)
ASS. REFEREES: Bojan Zobenica, Ivan Mihalj (Kroazja)
RABA’ UFF: Dario Bel (Kroazja)
SKORERS: R. Lewandowski 32, P. Wszolek 59, P. Zielinski 85 (P), I. Cardona 37, T. Teuma pen. 68 (M)
AMMONITI: P. Wisniewski, N. Zalewski (P), T. Teuma, A. Satariano (M)
ATTENDENZA: 10,000

