Saturday, December 21, 2024

TTD Biennali: Il-clubs isostnu li l-pjan ikollu impatt distruttiv

Aqra wkoll

Il-pjani tal-FIFA għal Tazza tad-Dinja biennali jwasslu għal “impatt dirett u distruttiv fuq il-logħba tal-clubs”, qalet l-ogħla organizzazzjoni tal-clubs tal-Ewropa nhar il-Ġimgħa.

Il-European Club Association (ECA) qalet li l-approċċ tal-FIFA għar-riformi tal-kalendarju tal-logħbiet internazzjonali kienu fi “ksur dirett u unilaterali ta’ ċerti obbligi legali”, hekk kif ingħaqdet mal-korp governattiv tal-football Ewropew, il-UEFA, fl-oppożizzjoni għall-proposti.

Il-ECA, li tirrappreżenta 234 club Ewropew, ma ddikjaratx għal liema obbligi kienet qed tirreferi, iżda l-organizzazzjoni għamlet sensiela ta’ ftehimiet mal-UEFA u l-korp tal-football globali, il-FIFA, rigward il-kalendarju.

“Il-clubs tal-footballl dejjem kienu vuċi fundamentali u rispettata fit-tfassil tal-futur tal-International Match Calendar (IMC). Huma l-pedament tal-football, huma s-sewwieqa tal-kompetizzjonijiet; il-hub primarju u d-dar tal-iżvilupp u l-investiment tal-players; u l-fulkru tal-partitarji u l-kommunita­jiet lokali tagħhom,” qalet l-ECA.

“Din hija r-raġuni għaliex il-Memorandum ta’ Ftehim (MoU), li jirregola r-relaz­zjoni bejn l-ECA u l-FIFA, ipoġġi lill-IMC fil-qalba tiegħu. Dan il-MoU bejn il-clubs u l-FIFA ġie miftiehem wara negozjati dettaljati u approvazzjoni konġunta dwar l-IMC, ukoll bħala l-proċessi li jirregolaw l-IMC,” żiedet l-ECA.

Il-FIFA qed tmexxi studju ta’ fattibbiltà biex iżżomm it-Tazza tad-Dinja fuq bażi biennali, bidla miċ-ċiklu kurrenti ta’ erba’ snin, iżda ma għamlet l-ebda sigriet tax-xewqa tagħha li taqleb għal format bħal dan.

L-ex manager ta’ Arsenal, Arsene Wenger, li issa huwa l-kap tal-FIFA għall-Iżvilupp Globali tal-Football, qal dan ix-xahar li huwa “100% konvint” dwar il-benefiċċji tal-bidla.

Il-ECA qalet li kienet lesta tiddiskuti ka­lendarju “modernizzat”, iżda kien hemm nuqqas ta’ konsultazzjoni mill-FIFA.

“L-ECA għalhekk segwiet bi tħassib serju u allarm it-tnedija tal-FIFA ta’ kampanji attivi ta’ Relazzjonijiet Pubbliċi u ħafna pretensjoni, apparentement tfittex li tivvjaġġa permezz ta’ riformi għall-IMC, partikolarment l-introduzzjoni ta’ Tazza tad-Dinja bien­nali,” hija qalet.

Nhar it-Tnejn, il-FIFA qalet li “laħqet l-assoċjazzjonijiet membri tagħha u parti­jiet interessati oħra (rappreżentanti tal-players, clubs, kampjonati, konfederazzjonijiet) biex timmarka l-bidu ta’ fażi ġdida ta’ konsultazzjoni”.

Il-president tal-UEFA, Aleksander Ceferin, wissa dan ix-xahar dwar bojkott Ewropew potenzjali tat-Tazza tad-Dinja jekk il-pjani tal-FIFA jimxu ‘l quddiem.

Filwaqt li l-konfederazzjoni tal-Amerika t’Isfel, CONMEBOL, kienet ukoll kritika qawwija tal-approċċ tal-FIFA, il-Konfede­razzjoni tal-Football Asjatiku (AFC) qalet li “tilqa’ l-proċess estensiv ta’ konsultazzjoni mibdi u mmexxi mill-FIFA”.

CONCACAF, li tirregola l-logħba fl-Ame­rika ta’ Fuq u Ċentrali u l-Karibew, qalet li qed tħares lejn il-proposta b’moħħ miftuħ, u fl-ispirtu ta’ impenn pożittiv” u l-Konfe­derazzjoni Afrikana (CAF) ħadet pożizzjoni simili.

Kwalunkwe vot dwar bidliet x’aktarx ikollu jgħaddi mill-kungress sħiħ tal-FIFA ta’ 211 assoċjazzjoni nazzjonali.

Ekonomija

Sport