L-Ambaxxatur tat-Tazza tad-Dinja li se ssir fil-Qatar fi ftit ġranet oħra, Khalid Salman, ġie kkritikat bl-aħrax għall-kummenti tiegħu dwar l-omosesswalità.
Salman, li huwa eks player għamel dawn ir-rimarki waqt intervista ma’ stazzjon televiżiv Ġermaniż.
Meta mistoqsi dwar il-fatt li l-omosesswalità hija illegali f’pajjiżu, Salman qal: “Irridu naċċettaw il-liġijiet tal-pajjiż tagħna. L-omosesswalità hija haram. Tafu xi tfisser haaam?
“Jien m’iniex Musulman estremist … iżda għaliex huwa haram? Għax hija ħsara fil-moħħ.”
Salman huwa wieħed mill-ħafna ambaxxaturi għat-Tazza tad-Dinja flimkien ma’ leġġendarji oħra fosthom Cafú, Xavi u oħrajn.
L-organizzaturi ddeskrivew l-irwol tagħhom biex “jutilizzaw is-setgħa tal-football biex joħloq bidla soċjali pożittiva fil-Qatar, madwar ir-reġjun u madwar id-dinja”.
Madankollu, issa qed jiffaċċjaw reazzjoni oħra. Rasha Younes, li hija membru tal-programm tad-drittijiet LGBT fil-Human Rights Watch ikkundannat il-kummenti ta’ Salman.
Hija qalet: “Il-kumment taʼ Salman li l-attrazzjoni għall-istess sess hija ‘ħsara fil-moħħ’ huwa inaċċettabbli li ma jagħmel xejn ħlief ħsara.
“Il-fatt li l-gvern tal-Qatar ma jiġġilidx din l-informazzjoni falza għandu impatt sinifikanti fuq il-ħajja tar-residenti LGBT fil-Qatar, li tqanqal diskriminazzjoni u vjolenza kontrihom biex ikompli jiġi ġġustifikat dan is-suġġett kontra tagħhom u jsofru prattiċi appoġġati mill-istat.”
Proprju l-ġimgħa li għaddiet, il-FIFA “indaħlet” f’din il-kritika wara li ġiet ipubblikata ittra miktuba mill-president Giovanni Infantino.
Huwa qal: “Jekk jogħġobkom, ejjew issa niffukaw fuq il-football!
“Nafu li l-football ma jgħix ġo vakum u aħna lkoll konxji li hemm ħafna sfidi u diffikultajiet ta’ natura politika madwar id-dinja.
“Imma jekk jogħġobkom, tħallux il-football jitkaxkar f’kull battalja ideoloġika jew politika li teżisti.”