Svezja …………0
Stati Uniti …….0
(Svezja 5-4 bil-penalties)
Jidher li l-era ta’ Megan Rapinoe fit-team nazzjonali tal-Istati Uniti spiċċat meta, fir-round tal-Aħħar 16, tilfu 5-4 bl-għoti tal-penalties wara li l-partita spiċċat fi draw ta’ 0-0 anke wara li ntlagħab il-ħin barrani.
L-Amerikani, immexxija minn Rapinoe għal dawn l-aħħar 10 snin, rebħu dan l-unur fl-aħħar żewġ edizzjonijiet (2015, 2019), iżda issa kellhom ibaxxu rashom biex jagħmlu l-wisa’ lil ħaddieħor … b’Rapinoe tħabbar ukoll li se tirtira.
Fil-veritá, huma kellhom ukoll il-mumenti tagħhom li ġew imċaħħda mill-goalkeeper, Zecira Musovic, li kienet providenzjali għall- Isvediżi biex żammet lil sħabha fil-logħba.
Fl-għoti tal-penalties, l- Amerikani fallew tlieta minn Megans Rapinoe, Sophia Smith u Kelley O’Hara.
U filwaqt li Rebecka Blomqvist u Nathalie Bjorn fallew għall-Isvediżi kien hemm aktar drama meta fl-aħħar penalty, il-goalkeeper Amerikana, Alyssa Naeher, dehret issalva t-tentattiv ta’ Lina Hurtig bil-ballun jitla’ ‘l fuq u jaqbeż il-linja fatali b’millimetru!!
Wara li r-referee, Stephanie Frappart, tat il-konferma permezz tal-VAR, l-Isvediżi nfexxew f’ċelebrazzjonijiet kbar … bl-avversarji li jmiss ikunu l-Ġappun.