L-aħħar partita tas-sena kalendarja għat-team nazzjonali tan-nisa se tkun dik f’Bosnja Herzegovina, proprju llum, valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2023.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, it-team Malti safa megħlub mill-Montenegro bl-iskor ta’ 2-0, fis-Centenary Stadium, li ħallietna fir-raba’ post b’erba’ punti.
“L-ewwel reazzjoni kienet ta’ diżappunt għax ħassejna li stajna ksibna punti minn din il-partita wara li kellna prestazzjoni bħal din,” spjega l-coach Mark Gatt.
“Madankollu, dan it-team huwa mdorri f’dawn is-sitwazzjonijiet u ħafna drabi iktar iva milli le, reġa’ lura b’riżultati pożittivi u nittamaw li l-ambjent pożittiv maħluq mill-membri tal-istaff u l-players stess jippermettilna biex inkunu ppreparati mentalment.
“Immedjatament biddilna l-attenzjoni tagħna fuq il-logħba kontra l-Bosnja u nittama li t-team iqum għall-okkażjoni.”
Malta u l-Bosnja affrontaw lil xulxin lura f’Settembru li għadda, meta t-team ta’ Gatt ipproduċa partita brillanti biex ikkanċella żvantaġġ ta’ żewġ goals u kiseb l-ewwel punt tiegħu f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni.
Maria Farrugia u Stephania Farrugia skorjaw il-goals ta’ Malta fl-aħħar stadji ta’ dik il-partita f’dik li kienet serata memorabbli għall-football tan-nisa lokali.
“Riċentement iffaċċjajna lill-istess Bosnja f’Settembru li għadda. Kienet logħba pjuttost bilanċjata u nafu li se jkun hemm mumenti fejn ikollna nxammru l-kmiem imma jekk inżommu mal-istil tal-logħob tagħna, naf li nistgħu nkunu ta’ theddida wkoll.”
Għalkemm il-Bosnja jinsabu fit-58 post tar-rankings uffiċjali tal-FIFA u kienu f’Pot 3 f’din il-fażi ta’ kwalifikazzjoni, kellhom bidu ħażin f’din il-kampanja li swiehom iċ-ċans li jisfidaw għall-inqas għal post fil-play-off.
Fil-fatt, il-Bosnja bħalissa jinsabu fit-tieni post mill-qiegħ tal-klassifika b’punt biss wara ħames ħarġiet. Huma tilfu kontra l-Montenegro 3-2 qabel ma spiċċaw fi draw ma’ Malta segwiti minn tliet telfiet kontra l-leaders konġunti d-Danimarka, darbtejn, u r-Russja.
“Qed nistenna li l-Bosnja jkunu aggressivi ħafna u jagħmlu użu mit-tul u l-ħila fiżika tagħhom,” irrimarka Gatt.
“Huwa team li jħobb ikun pragmatiku u ovvjament għandu l-vantaġġ li se jkun qed jilgħab ġewwa daru, fi klima kiesħa ħafna li m’aħniex imdorrijin għaliha.”
“Min-naħa l-oħra, iżda, it-team tagħna jista’ jirnexxi f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Ovvjament, se naddattaw approċċ kawt, speċjalment minħabba l-fatt li għandna xi dubji ta’ fitness dwar ċerti players li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tattiċi tagħna iżda nibqa’ nittama għal riżultat pożittiv.”