Tuesday, November 4, 2025

TTD tan-Nisa 2027: Malta telgħet biex tilgħab kontra l-Isvizzera, l-Irlanda ta’ fuq u t-Turkija

Aqra wkoll

Malta ttellgħet biex tilgħab kontra l-Isvizzera, l-Irlanda ta’ Fuq u t-Turkija fi Grupp B2 tal-Kwalifikazzjonijiet Ewropej tan-Nisa għat-Tazza tad-Dinja 2027.

It-tlugħ tal-poloz sar nhar it-Tlieta 4 ta’ Novembru, f’Nyon, l-Isvizzera.

It-Team Nazzjonali tan-Nisa se jikkompeti f’League B, wara li kiseb il-promozzjoni matul il-wirjiet notevoli tiegħu fil-UEFA Nations League aktar kmieni din is-sena, fejn spiċċa fl-ewwel post ta’ Grupp C2. B’riżultat ta’ dan, it-tfajliet tagħna kisbu l-promozzjoni għa League B, it-tieni darba li dan sar taħt it-tmexxija tal-coach, Manuela Tesse.

It-team se jkun qed jimmira li jkompli jtejjeb il-prestazzjonijiet tiegħu f’dan l-istadju tal-kwalifiki Ewropej.

Din il-fażi tal-kwalifikazzjoni, li fiha 53 team, tintlagħab fl-istess format bħall-UEFA Nations League,  bit-timijiet maqsuma fi tliet kampjonati. 

League A u B huma komposti minn 16-il team kull wieħed filwaqt li League C huma fformat minn 21 team.  

Meta kkummentat dwar it-tlugħ tal-poloz, Tesse rrimarkat: “Seta’ kien aħjar imma seta’ kien agħar. Konna nafu li meta titla’ fil-livell se tiffaċċja timijiet b’saħħithom. Se nippreparaw bl-aħjar mod possibbli. Konna diġà f’League B qabel u għaldaqstant nistgħu nużaw dik l-esperjenza u npoġġuha fil-ground.”

L-istadju tal-kwalifiki Ewropej tan-Nisa se jsir fuq sitt ijiem ta’ logħbiet, b’kull team jiffaċċja lil xulxin darbtejn. Il-ġranet tal-logħob huma kif ġej:

Matchday 1: It-Tlieta, 3 ta’ Marzu, 2026

Matchday 2: Is-Sibt, 7 ta’ Marzu, 2026

Matchday 3: It-Tlieta, 14 ta’ April, 2026

Matchday 4: Is-Sibt, 18 ta’ April, 2026

Matchday 5: Il-Ġimgħa, 5 ta’ Ġunju, 2026

Matchday 6: It-Tlieta, 9 ta’ Ġunju, 2026

Il-UEFA se jkollha 11-il post fit-Tazza tad-Dinja tan-Nisa 2027, b’team addizzjonali li jkollu l-possibbiltà li jikkwalifika permezz tal-play-offs interkontinentali tal-FIFA. Fi tmiem il-fażi tal-kampjonat, il-klassifiki tal-gruppi u l-klassifiki ġenerali tal-kampjonat se jiddeterminaw min jikkwalifika direttament għall-kompetizzjoni, il-kwalifikazzjoni u s-seeding għall-play-offs.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport