Il-Ġermanja bdew l-avventura tagħhom fit-Tazza tad-Dinja tan-Nisa fuq nota mill-aktar pożittiva meta għelbu lill-Marokk bl-iskor ta’ 6-0, bil-captain Alexandra Popp tkun il-protagonista wara li rreġistrat doppjetta.
Popp, li ġiet eskluża mill-finali tal-Euro 2022 minħabba injury, għamlet il-marka tagħha b’żewġ daqqiet ta’ ras kliniċi matul l-ewwel taqsima.
Klara Buhl skorjat minn rebound wara l-mistrieħ … qabel ma l-Marokkini, Hanane Ait el Haj u Yasmin Mrabet, ikkommettew auto-goal kull wieħed.
Il-Ġermanja baqgħu joħolqu l-problemi u ssiġillaw ir-rebħa minn Lea Schuller meta sparat il-ballun f’lasta vojta wara kontrattakk veloċi.
Minkejja li tilfu lill-players ewlenin, Lena Oberdorf u Marina Hegering minħabba injury, il-Ġermanja żammew ir-rekord impressjonanti tagħhom fil-fażi tal-gruppi tal-kompetizzjoni, meta tilfu darba biss f’25 partita.