Kolumbja …….1
Ġamajka ……..0
Il-Kolombja kkwalifikaw mal-aħħar tmienja meta f’partita missielta għelbu lill-Ġamajka bl-iskor ta’ 1-0 biex issa jaffrontaw lill-Ingilterra.
Wara taqsima bla goals, kienet il-captain Catalina Usme, meta fil-51 minuta, skorjat l-uniku goal tal-partita.
Dan kien l-ewwel goal li sofrew il-Ġamajkani wara 321 minuta f’dan it-tournament u minkejja li għamlu reazzjoni biex jiksbu l-goal tad-draw ma setgħux isibu t-triq lejn ix-xibka avversarja.
Din kienet l-aħħar partita f’Melbourne ta’ din l-edizzjoni fejn ra bosta ‘vittmi’ – il-Kanada ġew eliminati mit-team ospitu l-Awstralja, il-Brażiljana Marta kellha ssellem lit-Tazza tad-Dinja filwaqt li l-Istati Uniti, li rebħu l-aħħar żewġ edizzjonijiet, sfaw megħluba mill-Isvediżi bl-għoti tal-penalties … u eliminati.
Din il-logħba kienet dwar il-ġenerazzjoni l-ġdida … taż-żewġ naħat li reġgħu kitbu l-istorja tal-football tagħhom.
Filwaqt li l-Kolumbja waslu sal-kwartifinali għall-ewwel darba, il-Ġamajkani waslu sal-Aħħar 16 għall-ewwel darba wkoll.