Valentinova Gatt, Bulgara ta’ 44 sena residenti San Pawl il-Baħar baqgħet tinżamm arrestata wara li m’ammettietx li tajret sewwieq ta’ mutur waqt li kienet taħt l-influwenza tax-xorb. Hija kienet mixlija wkoll b’sewqan perikoluż.
Fil-Qorti Valentinova Gatt qal li hija għandha tifla x’tieħu ħsieb u għalhekk talbet biex tingħata ċans ieħor qabel ma tintbgħat il-ħabs.
Kien nhar il-Ħadd li għadda meta r-Roads Policing Unit ġew informati li kien hemm inċident tat-traffiku fi Triq Tul il-Kosta n-Naxxar.
L-uffiċjali marru fuq il-post u sabu ħabta bejn karozza Toyota Aygo u mutur CF Moto.
Il-Prosekuzzjoni qalet li x’ħin waslu l-pulizija, is-sewwieq tal-mutur li hu Belġjan ta’ 53 sena kien diġà ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard ġie ċċertifikat fil-periklu tal-mewt.
Fil-Qorti ntqal li l-mutur kien quddiem il-vettura, minħabba li l-vettura baqgħet sejra. Meta lis-sewwieqa tal-karozza sarilha t-test tal-breathalyser, irriżulta li kellha 124.9 mikrogrammi t’alkolħol għal kull 100ml ta’ nifs – sitt darbiet iktar mil-limitu legali.
Kien hawn li l-akkużata bdiet tibki fl-awla.
L-Ispettur Nathan Bugeja li kien qiegħed imexxi l-Prosekuzzjoni qal li l-imputata kienet akkużata b’sewqan taħt l-influwenza tal-alkħol anke fl-2014 u dakinhar kellha l-liċenzja tagħha revokata. Qal ukoll li l-Belġjan m’għandux familja f’pajjiżna u s’issa l-Pulizija ma tistax tkellmu minħabba li mhux f’sensih.
Id-difiża mexxija mill-avukat tal-għajnuna legali Nadya Fiott talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet oppożizzjoni kbira mill-Prosekuzzjoni. Dan minħabba l-fatt li għad hemm diversi persuni li għad iridu jixhdu fosthom dawk li għollew il-karozza biex ħarġu l-vittma minn taħtha.
Id-difiża qalet li l-imputata lesta li tieqaf issuq u tagħti l-liċenzja lura. Qalet li hija għandha rabtiet ma’ pajjiżna hekk kif ilha hawn 15-il sena u għandha tifla ta’ 12-il sena li trabbiha waħidha, u li ma tafx min huma x-xhieda.
Wara li qieset il-gravità tal-akkużi, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.