Turist ta’ 71 sena tressaq fil-Qorti mixli li kkorrompa tifla ta’ seba’ snin f’pixxina ta’ lukanda f’San Pawl il-Baħar nhar l-Ewwel tas-Sena.
Kienu l-ġenituri tat-tifla li rrapportaw il-każ lill-pulizija fil-Qawra fejn allegaw li “raġel anzjan u liebes in-nuċċali” kien ġiegħel lil binthom biex tmisslu l-privata tiegħu waqt li kienet qed tgħum fil-pixxina tal-lukanda fejn kienu qed joqogħdu.
L-uffiċjali marru fil-lukanda u hemm sabu lir-raġel biswit l-indoor pool.
L-imputat, Andrei Chirilov mir-Rumanija, tressaq fil-Qorti mixli li kkorrompa lill-minuri, li wettaq atti ta’ natura sesswali mhux kunsenswali u li ssoġġetta lill-allegata vittma għal intimità fiżika.
Huwa kien mixli wkoll li kkawża lill-minuri biża’ li se tintuża vjolenza kontriha u li wettaq reat kontra d-diċenza jew il-morali. Huwa ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Meta xehdet permezz ta’ videoconference, it-tifla spjegat li hi u l-familja tagħha kienu waslu Malta għal btala tlitt ijiem qabel seħħ l-allegat inċident. Il-familja mistennija titlaq minn Malta din il-ġimgħa.
It-tifla spjegat li waqt li kienu fl-indoor pool, hi kienet qed tilgħab u taqbeż fl-ilma. Qalet li l-imputat, li ddeskrivietu bħala li kellu “żaqqu kbira” u kien liebes shorts ta’ kulur blu, allegatament “għafsilha” saqajha u mbagħad qabadha minn idha u poġġihielha taħt ħwejġu fuq il-partijiet privati tiegħu darbtejn. Spjegat li hija ħarġet idha darbtejn.
Hija tgħid li r-raġel kien qalilha biex tgħidlu “inħobbok” iżda hi qaltlu “togħġobni” minflok. Qalet li ma tiftakarx għalfejn kienet qaltlu dak il-kliem.
Fil-kontro-eżami, l-Avukat tal-Għajnuna Legali Thomas Barbara Sant issuġġerixxa li l-klijent tiegħu kien staqsieha minn fejn kienet ġejja, u li adult li kien magħha kien wieġeb minflokha.
Omm l-imputat telgħet fuq il-pedana tax-xhieda u spjegat li l-allegat każ seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar. Qalet li kien hemm familji bit-tfal fil-pixxina meta raġel anzjan ġie waħdu fiż-żona baxxa tal-pixxina fejn kien hemm it-tfal.
Il-mara żiedet tgħid li l-imputat kien dħuli ħafna mat-tfal, u hi saħansitra kienet sellmitlu b’idejha. F’ħin minnhom, it-tfal l-oħra telqu minn fejn kienu, u t-tifla tagħha biss baqgħet ma’ Chirilov.
Qalet li din il-“prossimità” bejn it-tnejn kienet mhux tas-soltu. Il-mara sejħet lit-tifla biex toħroġ mill-pixxina. Meta bintha marret ħdejha, staqsietha x’kien intqal bejniethom. It-tifla qalet lil ommha li qaltlu “togħġobni” u li allegatament messilha saqajha.
Meta ommha staqsietha jekk hi kinitx messitu, it-tifla qaltilha: “daħħalli idi ġewwa” darbtejn. L-omm qalet li kienet ixxukkjata b’dan u minnufih infurmat lil żewġha, li talab lir-receptionist tal-lukanda biex iċempel lill-pulizija. Sadanittant, hija baqgħet fil-post fejn kien hemm ukoll familja oħra b’tifel ikbar mit-tifla tagħha u ieħor iżgħar mill-allegata vittma.
Meta wieħed minn dawn it-tfal kien qed jgħum f’din il-parti tal-pixxina, wissiethom biex ma jersqux qrib l-imputat.
Il-mara mill-familja l-oħra wieġbet, “Naf, żewġi ra”, u hija marret tkellem lir-raġel tagħha li qalilha li “ħass li xi ħaġa kienet ħażina” u kien avża lil martu biex ma tmurx fiż-żona baxxa tal-pixxina.
Il-familja ġiet infurmata mill-manager tal-lukanda li kellhom imorru l-Għassa tal-Pulizija biex jagħmlu rapport. Dak il-ħin, ir-raġel tal-mara ħa żewġ ritratti u video qasir tas-suspettat.
Waqt li kienu fl-Għassa tal-Pulizija, il-familja ġiet infurmata li s-suspettat kien ġie arrestat fl-indoor pool tal-lukanda.
F’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-każ se jkompli jinstema’ fil-jiem li ġejjin.
Il-Qorti kienet preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Dorianne Tabone, Ryan Vella u Cheyenne Mangion.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Thomas Barbara Sant assista lill-imputat.

