Turist li ried jieħu ritratt ma’ dak li ħaseb huwa kukkudrill taparsi, irrealizza wisq tard l-iżball kbir li għamel. Dan minħabba li t-turist, raġel ta’ 29 sena, spiċċa f’ħalq kukkudrill ħaj u kbir 15-il pied.
Rapporti fil-midja qalu li t-turist qabeż grada biex jieħu selfie ma’ kukkudrill f’zoo f’Zambonga Sibugay fil-Filippini. F’vidjow meħud fiż-zoo “Kabug Mangrove Park and Wetlands” jidher ir-raġel jitbissem lejn il-camera huwa u jippoża ħdejn il-kukkudrill bl-isem ta’ Lalay qabel ma seħħ l-attakk.
L-annimal f’daqqa waħda attakkat lir-raġel u qabditu f’ħalqha. Fil-filmat ir-raġel instema’ jgħajjat bl-agonija hekk kif il-kukkudrill bdiet tagħfas il-gidma tagħha. Din saħansitra pprovat toqtol lit-turist b’manuvra fejn daret fuq nnifisha biex taqsam jew iċċarrat lill-vittma.
Persuni fiż-zoo raw quddiem għajnejhom dan l-attakk f’terrur għal madwar nofs siegħa sakemm impjegati tal-post intervjenew. Wara li b’daqqa fuq rasha l-kukkudrill Lalay irrilaxxat lill-vittma mill-morsa tagħha, dan tal-aħħar ittieħed b’urġenza l-isptar fejn kellu bżonn 50 punti.
Is-Surġent tal-pulizija, Joel Sajolga, qal lill-midja lokali li kienet fortuna kbira u “miraklu li t-turist salva minn dan l-attakk”.