Friday, July 19, 2024

Turist Taljan jirbaħ €27,000 f’kumpens…kiser siequ f’ħofra fit-triq hekk kif ħareġ minn ristorant

Aqra wkoll

Ġie Malta għal btala ta’ sebat ijiem. Fit-2 ta’ Awwissu hu kien ħareġ jiekol ma’ żewġt iħbieb tiegħu f’lokal Tork magħruf bħala ‘Tabbak’, li kien jinstab fi Triq ix-Xatt, il-Gżira. Huma spiccaw jieklu għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija u hekk kif ħareġ mir-ristorant u niżel il-bankina għal ġot-triq, tfixkel f’ħofra u waqa’. Sal li triq f’dik il-lokalità it-triq kienet mudlama sew.

Hu kien lewa siequ u tant kemm kien muġugħ, li bilkemm seta’ jiċċaqlaq. Siequ bdiet tintefaħ u l-ħbieb tiegħu ħaduh fir-ristorant tagħhom fejn għamel is-silġ fuqha. Imbagħad ħaduh lura lejn il-lukanda bil-karozza u tawh l- għajnuna tagħhom. Ġara li l-għada l-uġigħ kien agħar u għalhekk talab lil lukanda għal tabib. Invistah fil-lukanda stess it-tabib Adrian Vella li tah parir imur mill-ewwel l-Isptar għax kien kiser siequ tax-xellug.

Hemm it-tabib ikkonferma l-ksur u għamlulu faxxa u ngħata wkoll krozzi. Minn hemm mar l-Għassa tal-Pulizija fejn għamel rapport. L-inċident seħħ fit-tieni ġurnata tal-mawra tiegħu u għalhekk tħassret il- kumplament tal-btala tiegħu. Spjega li hu kien għamel diversi spejjeż mediċi kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja minħabba l-inċident inkwistjoni u sussegwentement bagħat diversi ittri ġudizzjarji lill-Kunsill konvenut fejn talab kumpens għad-danni reali sofferti minnu.

L-ewwel Qorti kienet tagħt kumpens lil dan it-turist – Simone Morabito, ta’ kważi €27,000 u wara appell mill-Kunsill Lokali tal-Gżira, il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell mill-appell bil bi spejjeż kontra l-Kunsill Lokali Gżira.

Fil-kontro eżami, Mirabito xehed li “ma setax jiftakar jekk qabel daħal fir-ristorant hu kienx ra l-ħofra. Ikkonferma li hu biss kien waqa’ fil-ħofra u li kemm it-triq u wkoll il-bankina ma kienux imdawlin sew. Wara l-inċident, hu kien mar ir- ristorant tal-ħbieb tiegħu fejn għamel is-silġ fuq siequ u minn hemm ħaduh il-lukanda u Samuele għenu jimxi sal-kamra tiegħu għax kien muġugħ sew. Kien il-ħabib tiegħu Samuele li waslu l-Isptar fejn ingħata siġġu tar-roti.

Hemmhekk it-spjegawlu li hu kellu jiddeċiedi jekk isirx intervent kirurġiku fuq siequ hawn Malta jew din tiġi nfaxxata sew u d-deċiżjoni tittieħed mat-tabib ġewwa pajjiżu. Fil-fatt it-tabib tah parir sabiex jagħmel dan tal-aħħar u hu ngħata wkoll krozzi. Wara l- Isptar, il-ħabib tiegħu Samuele ħadu l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan. Huwa kien telaq minn Malta sitt ijiem wara, kif kien ippjana l-btala tiegħu, u dakinhar tal-inċident kien proprju t-tieni jum taż-żjara tiegħu.

Hu qatta’ dawk il-ġranet fil-kamra tal-lukanda waħdu u mar darbtejn jiekol mal-ħbieb tiegħu fir-restaurant tagħhom. Hu baqa’ juża l-krozzi l-ħin kollu u wasal sal-ajruplan permezz ta’ siġġu tar-roti. L-Italja kienet ittieħdet deċiżjoni mit-tobba sabiex ma jsirx intervent kirurġiku u lanqas ġibs, iżda kellha ssir biss faxxa soda.

Għal dak li kien jirrigwarda l-introjtu tiegħu, hu kien spjega li dan kien żdied sostanzjalment wara s-sena 2015 għax kien beda jaħdem ma’ ditta legali. Spjega li xi kultant għadu jħoss uġigħ f’siequ u ma jistax jiġri għat-tul ta’ ħin li kien qabel u saħansitra kellu jieqaf milli jipprattika l-arti marzjali. Ukoll ċertu żraben iħosshom skomdi wara ġurnata bihom u jkollu jbiddilhom għal oħrajn aktar rotob”.

Jixhed is-Sindku

Minn naħa tiegħu, is-Sindku tal-kunsill lokali tal-Gżira, Conrad Borg Manche, xehed li hu kien ilu fil-kariga msemmija sa mill-1 ta’ Mejju, 2015. Spjega li hekk kif il-Kunsill ikollu rapport dwar ħofra fit-triq, hu stess mill-ewwel imur jagħmel verifika jew jibgħat lill-handyman.

Fejn ġara l-inċident kienu jipparkjaw il-karozzi, allura ċertu ħofor wieħed ma setax jarahom. Stqarr li l-inċident inkwistjoni kien l-uniku wieħed fejn l-individwu kien bil-pass u mhux b’vettura jew mutur. Ikkonferma li l-Kunsill kien wieġeb lit-turist permezz ta’ ittra liema ittra.

Stqarr li l-allegata ħofra fit-triq kienet żewg pulzieri fonda u riżultat ta’ difett fit-tarmac. Qal li ma jidhirlux li l-Kunsill konvenut għamel xogħol fuqha”. Fil-kontro eżami qal li “l-Kunsill kien jinkariga nies għall-fini ta’ manutenzjoni tat-toroq u b’hekk jieħu ħsieb mill-ewwel fejn tinfetaħ xi ħofra bix-xita.

Hekk ukoll isir meta jirċievu rapport mill-pubbliku. Il-ħofra inkwistjoni l-Kunsill konvenut ma kienx jaf biha u lanqas ma kien irċievha lmenti dwarha mingħand il-pubbliku. Spjega li t-triq kellha difett għax kienet taqleb lejn il-ħwienet u wkoll kienet mibnija fuq ir-radam u għalhekk dejjem nieżla.

Ikkonferma li l-post fejn tinstab il-ħofra inkwistjoni hu mdawwal sew kemm permezz tad-dawl tat-triq u wkoll permezz tad-dawl tal-ħwienet”.

Is-segretajru tal-Kunsill fix-xhieda tiegħu qal li ikkonferma li ma kien hemm l-ebda ilment dwar il-ħofra inkwistjoni. Hu sar jaf biss b’din il-ħofra fis-Sajf tas-sena 2017 meta l-Kunsill irċieva d-dokumenti mill-Qorti.

Spjega kif il-Kunsill kien jieħu azzjoni kif jirċievi lment mill-pubbliku dwar xi ħofra, iżda wkoll l-impjegati tiegħu kienu jieħdu ħsieb f’każ bħal dak. Il-Kunsill min-naħa tiegħu jżomm informazzjoni dwar ix-xogħlijiet li jkunu saru.

Ix-xhud ikkonferma li mill-informazzjoni miżmuma mill-Kunsill ma kinItx tirriżulta l-eżistenza ta’ din il-ħofra, iżda hu min-naħa tiegħu ma kienx ikkonferma mal-handymen jekk kienux jafu biha”.

Intant L-ewwel Qorti iddikjarat li l-Kunsill responsabbli għall-incident li seħħ fi Triq ix-Xatt fil-Gżira, fejn weġġa’ it-turist, liema inċident seħħ minħabba nuqqas ta’ prudenza, nuqqas ta’ diliġenza u nuqqas ta’ ħsieb ta’ bonus paterfamilias mill-istess Kunsill, li għandu jagħmel tajjeb għad-danni kkaġunati lill-imsemmi attur bħala konsegwenza ta’ dak l-inċident.

Ikkundannat lill-Kunsill iħallas lit-turist danni ekwivalenti għal €26,546 u dan Bl-imgħaxijiet legali mid-data tas-sentenza sad-data tal-ħlas effettiv. Il-Qorti tal-Appell Qalet li “xejn ma jeżenta l-Kunsill mir-responsabiltajiet tiegħu. Ma jfisser xejn li f’istanzi oħra ħa ħsieb jagħmel il-manutenzjoni, anzi kkonferma li l-Kunsill ikun isegwi għall-dawn it-tip ta’ kwistjonijiet infrastrutturali, iżda f’dan il-każ ħarbitlu u b’hekk ma setax jindirizza l-kwistjoni.

Fir-rigward ta’ kif żviluppat il-ħofra din il-Qorti ma tqisx li dan ibiddel wisq. Ma saret ebda prova li din il-ħofra żviluppat dak il-ħin jew ftit qabel l-inċident. Ir-responsabbilità tal-manutenzjoni tat-triq inkwistjoni taqa’ f’idejn il-kunsill, fuq kollox il-Kunsill stess irtira dik l-eċċezzjoni li permezz tagħha eċċepixxa li ma kellux responsabbilità.”

Intqal li “fir-rigward tal-postijiet pubbliċi li jaqgħu fir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali, ir-responsabbilità tal-istess Kunsill Lokali mhijiex limitata biss għall-esekuzzjoni ta’ xogħlijiet u ta’ manutenzjoni iżda tinkludi wkoll obbligi ta’ viġilanza u kontroll.

Dan ifisser li l-Kunsill Lokali kellu d-dover li jassigura li l-bankina in kwistjoni, li mhuwiex kontestat li taqa’ fil-konfini tar-responsabbilità tiegħu, ma tkunx ta’ periklu għall-pubbliku, indipendentement mill-kawża ta’ dan il-periklu.

Il-Kunsill Lokali kellu l-obbligu li fejn jirriżulta xi periklu għall-pubbliku jieħu l-passi neċessarji għas-salvagwardja tal-pubbliku, anke jekk imqar billi jagħmel senjaletika li twissi lill-pubbliku dwar il-periklu waqt li jieħu passi kontra t-terz li kkawża dak il-periklu sabiex jagħmel it-tiswija neċessarja, jew jekk ikun hemm bżonn billi jagħmel it-tiswija neċessarja hu stess, dejjem bi dritt ta’ rivalsa kontra t-terz li kkawża l-periklu.”

Intqal ukoll li “l-Qorti tqis li l-Kunsill Lokali ma jistax lanqas ifarfar mir-responsabbilità tiegħu għal dak li ġara billi jgħid li m’għandux riżorsi suffiċjenti sabiex jissorvelja l-arja kollha li tinsab fil-konfini tar-responsabbilità tal-Kunsill Lokali.

Il-liġi timponi obbligu fuq il-Kunsill Lokali, li jieħu ħsieb iż-żamma tal-bankini li jaqgħu fil-konfini tiegħu u kwistjonijiet dwar riżorsi adegwati sabiex il-Kunsill Lokali jkun jista’ jagħmel dan b’mod xieraq huma kwistjonijiet bejn il-Kunsill Lokali u l-amministrazzjoni pubblika biss, u bl-ebda mod ma jistgħu jippreġudikaw lill-pubbliku.

Fil-fehma ta’ din il-Qorti r-responsabbilità fiċ-ċirkostanzi għandha tibqa’ kif qalet l-ewwel Qorti u li din il-Qorti ma tqisx li jeżistu l-estremi li tiddipartixxi mill-fehma tal-ewwel Qorti.”

Ekonomija

Sport