F’Edinburgh waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali huwa ċimiterju li apparti li għandu fih storja ta’ kelb li dam iżur lil sidu għal diversi snin wara li miet, kien ukoll ta’ ispirazzjoni għall-karattri ta’ Harry Potter. Forsi ftit jorbtu r-riti tad-dfin mat-turiżmu u bir-raġun. Iżda l-verità hi li f’Malta għandna kważi kull tip ta’ dfin li jeżisti. Dan jekk niffukaw fuq il-metodu tad-dfin iktar milli l-post jew kontenitur fejn wieħed jindifen.
Għalkemm il-mewt kienet u tibqa’ suġġett makabru, tibqa’ wkoll tqajjem biżżejjed kurżità fil-bniedem li timmobilizzah jiskopri iktar dwarha. U huwa proprju għalhekk illi forsi ma nħossx li turiżmu tad-dfin huwa xi ħaġa li tista’ tinteressa lil ftit.
Barra minn hekk ma rridux ninsew illi ħafna mit-turisti diġà jkunu ġew iktar minn darba Malta u forsi jekk jiġu offruti pakkett b’differenza jerġgħu jipprovdu suq ġdid li jiġġenera iktar xogħol, żjarat u dħul.
Tul ta’ żmien u siti tad-dfin
Dak li jissorprendi ħafna lil turisti barranin, pereżempju, huwa l-fatt illi aħna naqalgħu lill-mejtin tagħna fi żmien daqstant qasir meta f’pajjiżi ikbar, b’iktar art, huma jħallu l-għeżież tagħhom midfunin għal ġieli iktar minn 20 sena.
Il-fatt li aħna nidfnu anke fil-knejjes tagħna saħansitra jġiegħel lil ċerti turisti jibżgħu jmiddu pass ieħor.
Huma dawn is-sensazzjonijiet li waħda wara l-oħra jagħmlu mawriet organizzati dwar il-metodi tad-dfin u l-mewt f’pajjiżna interessanti.
Dfin taż-żmenijiet Neolitċi u osswarji
Iżda apparti l-oqbra ta’ qabel it-Tempji Neolitiċi li nstabu ġewwa Ħaż-Żebbuġ u l-figurini astratti li nstabu ma’ dawn l-istess skeletri, id-dfin f’pajjiżna jibda b’żewġ tempji spettakulari taħt l-art li wieħed biss minnhom huwa miftuħ għall-pubbliku: l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni.
Dan huwa wirt kulturali dinji, b’artefatti, tinqix u statwetti uniċi maħduma bl-użu tal-ġebel biss. Il-post innifsu dlonk jpoġġielna quddiemna l-isfida li nifhmu jekk hux il-ġisem kollu jew l-għadam biss tal-mejjet kien jinħażen hemmhekk. Jekk fil-fatt kienx post tad-dfin tal-ġisem kollu jew sempliċement osswarju.
Kremazzjoni u rmied fil-bombli tal-fuħħar
Warajh fiż-żmien, erba’ passi bogħod, jiġu l-bombli tal-fuħħar mimlija rmied li ġej mill-kremazzjoni tal-iġsma tal-poplu ta’ żmien il-bronż. M’hemmx għalfejn ngħidu li dan ifakkarna li m’aħniex aħna l-ewwel nies li introduċejna l-kremazzjoni f’pajjiżna.
Sarkofagi
Id-dfin jerġa’ jitbiddel fi żmien il-Feniċi li ħallew warajhom sargofagi l-ġmiel tagħhom. Billi dawn is-sargofagi jinsabu wieħed f’Malta u ieħor f’Għawdex forsi wieħed jista’ anke jagħmel rappreżentazzjoni viżiva ġewwa l-Katakombi tar-Rumani jew post ieħor magħżul li mbagħad jistgħu jiġu meqjusa bħala r-raba’ metodu tad-dfin prinċipali f’pajjiżna.
Ir-Rit Ruman
Bla dubju l-katakombi Rumani Maltin huma fuq l-istess livell ta’ dawk ta’ Sqallija u Ruma fost oħrajn. Iżda l-katakombi u l-oqbra uniċi Maltin u l-mejda ta’ Agape (fejn il-qraba tal-mejtin kienu jibku u jieklu wara l-funeral) huma ta’ interess ferm partikulari. L-istess huma l-affreski u tinqix mal-ħitan li jiddistingwu mejjet minn ieħor normalment skont ir-reliġjon li kellu matul ħajtu jew l-epoka meta miet. Il-katakombi, apparti eċċezzjonijiet żgħar, jinsabu r-Rabat, tefgħa ta’ ġebla oħra bogħod mill-epoka li jmiss fl-istorja tagħna.
Ir-rit tad-dfin Għarbi
Għalkemm ftit li xejn għandna eżemplari ta’ żmien l-Għarab miftuħin għall-pubbliku għandna qabar tal-epoka fid-Domus Rumana. Però imbagħad għandna artefatt li dejjem ġibed attenzjoni partikulari, li hija l-ġebla ta’ Majmuna. Jekk rappreżentazzjoni viżiva tal-ġebla ta’ Majmuna tingħaqad mal-qabar Għarbi fir-Rabat allura din tista’ tkun waqfa oħra tat-turist f’dawn l-inħawi matul ġita li tiffoka fuq id-dfin, speċjalment jekk it-turist ikun jista’ jara l-qabar qabel ma jħallas għad-dħul tad-Domus Rumana.
Rappreżentazzjonijiet teatrali
Niftakar meta attendejt għal rikostruzzjoni tar-rit Ruman fil-Katakombi fir-Rabat. Ir-rappreżentazzjoni fehmitni ħafna iktar mit-tabelli. Jekk rappreżentazzjonijiet bħal dawn jikkumplimentaw il-viżwal u t-tabelli apparti s-sit innifsu jagħmlu l-mawra ferm interessanti u tappella għal ferm iktar turisti.
Il-Kavallieri: Il-mewt bħala rebħa u glorja
L-epoka tal-Kavallieri mbagħad tiftaħ bieb ġdid fuq kif il-bniedem iħares lejn il-mewt. Hawnhekk il-vjaġġ ikompli ġewwa l-Knejjes, il-Kannierji, il-monumenti funebri u l-lapidi prestiġġjużi u l-interpretazzjoni tagħhom. Dawn bejniethom jistgħu jikkostitwixxu wkoll mawra minflok sal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann il-Belt b’laqta differenti. Ta’ min jgħid ukoll illi ż-żewġ kripti tal-Kon-Kattidral tal-Belt u dik tal-Kattidral tal-Imdina tajjeb li jkunu wkoll aċċessibbli kultant żmien għal gruppi speċjali.
Il-Caravaggio
It-tema tal-mewt tirrenja wkoll fil-pitturi ta’ Caravaggio. Iżda forsi anke iktar interessanti minn hekk, l-‘oubliette’, jew ‘la guva’ ta’ Sant’Anġlu fejn tpoġġa l-Caravaggio qabel ħarab għandha tkun atrazzjoni prinċipali oħra ta’ tema bħal din u li turist ma jistax iżur kullimkien. It-taħżiż u l-messaġġi mal-ħitan ikexkxuk u jġiegħluk tirrealizza li jista’ jkun mhux kulħadd kien ‘l-istess f’għajnejn il-liġi’.
Il-Kappella tal-Għadam
F’dan il-kuntest żgur li ma jistax jonqos li tissemma’ l-Kappella tal-Għadam li kienet x’imkien ħdejn l-Evans il-Belt u li twaqqgħet darba għal dejjem fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Żmien l-Ingliżi
Iżda jekk nersqu iktar lejna nistgħu mbagħad nagħmlu żjara f’xi wieħed miċ-ċimiterji hekk magħrufa ‘Tal-Ingliżi’ li żgur li ddaħħalna ġo qoxortna meta naraw l-età tal-mejtin. Nisa żgħażagħ li mietu waqt li kienu qed iwelldu. U rġiel żgħażagħ li mietu hawn Malta fi żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija.
Apparti dan insibu ċimiterji oħra li huma marbutin ma’ epidemiji fosthom dawk ta’ żmien l-Ingliżi bħaċ-Ċimiterju ta’ Wied Għammieq li hu marbut mal-kolera fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax.