Friday, October 3, 2025

TURIŻMU SOSTENIBBLI… EKONOMIJA B’SAĦĦITHA

Aqra wkoll

It-turiżmu kien, għadu u jidher li se jibqa’ pilastru ewlieni fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Bla dubju, it-turist li jagħżel li jżur dawn il-gżejjer ma jagħmilx dan għall-għarrieda u ma jagħżilx bl-amment li jiġi hawn. Iżda jiġi għax hawn ħafna x’jattirah – is-sbuħija naturali tal-gżejjer, il-wirt kulturali u l-istorja rikka ta’ pajjiżna u saħansitra d-divertiment.

Dawn l-elementi kollha flimkien, li Malta u Għawdex huma mżejna bihom għandna għax niftaħru bihom għax qed ikomplu jiġbdu aktar turisti u xhieda ta’ dan huma r-riżultati mill-aktar inkoraġġanti li qed jinkisbu minn xahar għall-ieħor f’dan is-settur tant importanti.

L-aħħar statistika tal-NSO uriet kif f’Awwissu li għadda, waslu f’pajjiżna ’l fuq minn 470,000 turist, żieda ta’ 11.5% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel. Ta’ min jinnota wkoll li n-nefqa totali tagħhom kienet tlaħħaq aktar minn nofs biljun ewro, li tfisser żieda ta’ 15% fuq l-istess xahar tas-sena ta’ qabel. Għalhekk filwaqt li qed issir enfasi kbira biex pajjiżna jkompli jorjenta ruħu lejn turiżmu ta’ kwalità, b’danakollu n-nefqa tat-turisti minnha nfisha diġà hija waħda konsiderevoli.

Ma nistgħux iżda nserrħu biss fuq dawn ir-riżultati miksuba u ngħidu li għamilna kollox u li lħaqna l-quċċata. Veru li bħala pajjiż imxejna ’l quddiem u saħħaħna din l-industrija u bil-ħidma għaqlija li qed issir mill-entitajiet konċernati u anke mill-Gvern, dan is-settur jista’ jkompli jeċċella u jħalli l-impatt mixtieq.

U huwa proprju f’dan ir-rigward li nilqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar li ngħatat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg li s-sena d-dieħla, Malta se tospita s-Summit Globali tal-World Travel & Tourism Council. 

Dan se jkun l-akbar summit tat-turiżmu li qatt sar fil-gżejjer Maltin u se jkun qiegħed ilaqqa’ flimkien uffiċjali għolja mis-settur pubbliku u privat, biex joħolqu kollaborazzjonijiet ġodda, jixprunaw investimenti sostenibbli u jtennu l-irwol kruċjali tal-ivvjaġġar u t-turiżmu fl-ekonomija globali. 

Fil-fehma tagħna, din se tkun okkażjoni oħra importanti biex nuru l-potenzjal li għandha Malta u l-viżjoni tagħha f’settur li huwa wieħed mill-aktar dinamiku li jkompli juri tkabbir sena wara l-oħra. Fl-istess waqt, Malta se tkun qiegħda titpoġġa fuq quddiem fid-diskussjonijiet f’dak li jirrigwardja s-sostenibbiltà, l-involviment tal-komunità u r-reżiljenza fl-iżvilupp tat-turiżmu internazzjonali.

Kif dejjem sħaqna, kull wieħed u waħda minna għandna responsabbiltà x’nerfgħu. Qabel kollox għandna d-dmir li nżommu pajjiżna nadif, li ma nikkalpestawx l-ambjent u li nibqgħu dejjem ospitabbli kif dejjem konna bħala poplu ma dawk li għal xi raġuni jew oħra jagħżlu li jiġu fostna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport