Filippin ta’ 25 sena mixli li aggredixxa sesswalment lill-eks sieħba kien illiberat wara li l-allegata vittma ddeċidiet li twaqqa’ l-akkużi kontrih.
Ir-raġel kien tressaq il-Qorti x-xahar li għadda mixli bi stupru, li żamm lill-mara kontra l-volontà, li kkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha u li darabha ħafif.
Il-Qorti semgħet kif l-imputat kien ilu f’relazzjoni mal-allegata vittma għal ħames snin u għandhom żewġt itfal. Intqal li l-imputat tressaq il-Qorti wara li l-mara allegat mal-pulizija li l-imputat kien stupraha f’okkażjoni partikolari.
Iżda meta l-każ kompla jinstema’ t-Tlieta li għadda, il-mara kkonfermat bil-ġurament li ma xtaqitx li tkompli bil-każ. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Abigail Critien, innotat li l-mara kienet diġà stqarret darbtejn li xtaqet li jieqfu l-proċeduri u kien għalhekk li laqgħet it-talba u astjeniet milli tieħu konjizzjoni ulterjuri tal-każ.
L-Avukati Jose Herrera, Alex Scerri Herrera u Martina Herrera dehru għall-imputat.