Mara weġġgħet gravi wara li lbieraħ, għall-ħabta tal-4:00 p.m., kienet involuta f’inċident tat-traffiku fi Triq ix-Xatt, Tas-Sliema.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li l-mara ta’ 31 sena residenti l-Mosta kienet qiegħda ssuq mutur tal-għamla Honda meta għal xi raġuni tilfet il-kontroll u waqgħet.
Hija ngħatat l-għajnuna minn tim mediku sakemm setgħet tittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa permezz t’ambulanza li ssejħet fil-post. Aktar tard hija ġiet ċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.