Saturday, December 20, 2025

TWELID IL-MESSIJA: Wirja Tradizzjonali tal-Milied     

- Miktub minn Wirjiet Sagra

Aqra wkoll

Il-Milied 2025 qiegħed magħna u għas-sitt sena konsekuttiva qed terġà titellgħa din il-wirja fl-okkażjoni tal-festi sbieħ tal-Milied. 

Din il-wirja hija mtellgħa mis-sur Charlie Ellul u s-sur Keziah Ellul. Flimkien mal- organizzaturi qed jesebixxu wkoll presepji u xogħlijiet oħra is-sinjuri Pawlu Bonello, Kieran Caruana, Elai Fava, Victor Fava, Marita Fenech, Kayne Mercieca u Francelle Pace Agius.

Il-Wirja Tradizzjonali

Din il-wirja ttellgħet għall-ewwel darba ħames snin ilu fil-Milied tas-sena 2020, meta konna fl-eqqel tal-pandemija Covid-19 u kompliet issir ta’ kull sena fil-foyer tal-Kunsill Lokali  tal-Fgura. Il-wirja, għal din is-sena ser tkun magħmula minn bosta presepji statiċi u tradizzjonali b’settijiet ta’ pasturi differenti. Dawn il-presepji statiċi huma ta’ materjal varju u ta’ qisien differenti.

Ta’ interess partikolari, ta’ kull sena tkun l-esebizzjoni ta’ santi antiki, liema santi ħafna minnhom imorru lura bosta snin. Huma attrazzjoni minħabba li ħafna minnhom huma kemxejn rari. Fost is-santi esebiti wieħed jista’ jara waħda li tmur lura għall-1903. Dawn  is-santi, ’il biċċa l-kbira tagħhom juru x-xena tan-Natività flimkien ma’ xeni oħra b’konnessjoni mat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Din il-wirja li qed issir ġewwa l-binja tal-Kunsill Lokali tal-Fgura li tinsab fi Triq Hompesch, għandha miftuħa sal-aħħar jum tas-sena. Il-ftuħ ta’ din il-wirja sar nhar l-Erbgħa 3 ta’ Diċembru mis-sindku Clayton Portelli Cascun u t-tberik tagħha sar mir-Rev. Joe Saliba O.Carm Pirjol tal-komunità Karmelitana tal-Fgura.

Matul il-ġimgħa din il-wirja tkun miftuħa mit-8.00am sal-4.30pm filwaqt li s-Sibtijiet tkun miftuħa mit-8.00am sal-11.00am esklużi l-Ħdud u l-festi.

Min jixtieq iżur il-wirja f’ħinijiet differenti minn dawk imsemmija jista’ jagħmel kuntatt ma’ l-organizzaturi permezz ta’ messaġġ fuq il-profil ta’ Facebook Wirjiet Sagra.

Għal din il-wirja ġie ppubblikat ktejjeb li jagħti tagħrif fuq l-istess wirja kif ukoll wieħed jista’ jsib artikli dwar it-tradizzjonijiet tal-Milied.

Parteċipazzjoni f’Attivitajiet tal-Milied

Apparti mill-wirja tradizzjonali, nhar is-Sibt 28 ta’ Diċembru ħadna sehem waqt  “Il-Mixegħla tal-Pjazza” fir-raħal tal-Imqabba filwaqt li is-Sibt u l-Ħadd 6 u 7 ta’ Diċembru tajna sehem tagħna waqt “Il-Pjazza fil-Milied” ġewwa l-Fgura. Waqt dawn l-attivitajiet mtellgħa mill-Kunsilli Lokali rispettivi ġew ippreżentati żewġ esebizzjonijiet fil-beraħ fejn b’ xorti tajba t-temp ippermetta u l-konkorrenza kienet tajba ħafna. Waqt dawn l-attivitajiet ġew esebiti presepji żgħar, statwetti kif ukoll bambini.

Sehemna waqt dawn l-attivitajiet offra esebizzjoni li għalkemm żgħira però huwa sehem importanti minħabba l-fatt illi l-presepju huwa l-qofol ta’ dawn il-ġranet sbieħ tal-Milied.                                                                         

Radd il-Ħajr

Bħala organizzaturi nieħdu l-opportunità sabiex nirringrazzjaw lis-Sindku Clayton Portelli Cascun, lill-Kunsillier responsabbli Charles Bonello li dejjem emmen fina fl-organizzazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ wirjiet, lill-Kunsilliera l-oħra, kif ukoll l-istaff tal-Kunsill Lokali tal-Fgura li mhux biss qed joffru l-post imma talli wrew magħna koperazzjoni kbira f’ dawn l-aħħar jiem sabiex il-wirja tkun tista’ ssir. Grazzi wkoll lil dawk illi għoġobhom iżuru din il-wirja. L-attendenza ta’ kulħadd hija ta’ kuraġġ għalina. 

Inwasslu l-awgurju għall-festi t-tajba lil kulħadd!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport