Wednesday, March 4, 2026

Twettiq ta’ aktar miżuri soċjali mill-Budget 2026

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, kompla jimplimenta aktar miżuri soċjali li huma parti mill-Budget għal din is-sena.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ngħata rendikont ta’ diversi miżuri soċjali li daħlu fis-seħħ matul l-aħħar jiem.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar it-twessigħ tal-eliġibilità għall-Benefiċċju tal-Enerġija, li minnu bdew igawdu għall-ewwel darba 2,870  koppja u 715-il persuna singola bi dħul baxx. B’din il-miżura l-limitu tad-dħul tal-miżżewġin żdied b’€2,500 aktar minn ta’ persuni singoli. B’hekk minn €12,493 żdied għal €16,500.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar kif il-Gvern huwa impenjat li jkompli jnaqqas it-taxxi minn fuq dħul li ġej minn pensjonijiet, dan sabiex ikompli jonqos il-piż minn fuq il-pensjonanti.

“Din hija l-politika li nħaddnu, politika t’inċentiv u mhux t’awsterità. Qed nagħmlu dan fi sfond internazzjonali ta’ tensjonijiet u pressjonijiet fuq is-swieq globali u dan il-Gvern mhux ser iħalli dawn il-piżijiet imorru fuq in-nies. Din hija l-politika li verament tagħmel differenza,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musù elabora dwar aktar għajnuniet finanzjarji, għal dawk il-ġenituri li jadottaw tfal minbarra l-pajjiż kif ukoll dawk l-adozzjonijiet lokali. 

Aktar minn hekk ġenituri li jieqfu mix-xogħol għal xi żmien biex irabbu lil uliedhom huma intitolati għal krediti ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali għat-trobbija tat-tfal. Dawn jingħataw sakemm il-wild jilħaq l-età ta’ 6 snin jew, fil-każ ta’ wild b’diżabilità jew b’mard rari, sal-età ta’ 10 snin.

Intant, saret referenza wkoll lejn it-titjib ta’ diversi servizzi marbuta mas-saħħa mentali u l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ Pensjoni għal Invalidità Parzjali biex persuni li jsofru minn kundizzjonijiet partikulari jkunu jistgħu jagħmlu xi ftit xogħol waqt li jieħdu l-pensjoni. Dan il-benefiċċju ser jolqot direttament lil persuni li jkunu ċċertifikati medikament li jbatu minn bi-polar disorder jew dipressjoni bi psikożi jew akuta u li jkun ilhom jirċievu kura regolari għal dik il-kundizzjoni għal mill-inqas 3 snin, u li l-kundizzjoni tagħhom tkun ġiet iċċertifikata minn psikjatra li jkun konsulent impjegat mal-Gvern.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport