“Iċ-ċavetta għall-paċi dejjiema tinsab fit-twettiq tal-aspirazzjonijiet Palestinjani għal Stat Palestinjan filwaqt li jiġu żgurati garanziji b’saħħithom għas-sigurtà tal-Iżrael.”
Din id-dikjarazzjoni saret mid-Deputat Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York Darren Camilleri meta ftit jiem ilu indirizza il-Kunsill tas-Sigurtà.
Hu ddikjara li “Malta tibqa’ mħassba serjament dwar il-gwerra li għaddejja f’Gaża, u l-katastrofi umanitarja bla preċedent li għaddejja. Persuni ċivili qegħdin ikomplu jbatu, hekk kif il-prospetti għall-paċi qegħdin dejjem jonqsu. Malta jiddispjaċina ħafna li l-isforzi ta’ dan il-Kunsill biex jadotta riżoluzzjoni bil-għan li jintemmu dawn l-ostilitajiet reġgħu ma ġewx adottati fl-aħħar jiem minħabba li intuża l-Veto. Malta qaltiha dakinham u nerġgħu ngħiduha llum. L-abbozz ta’ riżoluzzjoni mfassal mill-E10 irrappreżenta biss il-minimu ta’ dak li hu meħtieġ biex tibda tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ddisprata f’Gaża.
Intennu t-talba inekwivoka tagħna għal waqfien mill-ġlied immedjat, inkondizzjonat u permanenti madwar Gaża u r-reġjun. Nisħqu wkoll it-talba ta’ Malta għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ostaġġi kollha miżmuma mill-Ħamas u gruppi armati oħra mill-attakki terribbli ta’ terrur tas-7 ta’ Ottubru.
“Hu kruċjali li waqfien mill-ġlied ikun akkumpanjat b’aċċess umanitarju bla xkiel u sostnut biex tingħata l-għajnuna kollha li hemm bżonn u dan biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet kritiċi tal-popolazzjoni”, kompla jgħid ir-Rappreżentant Malti. Wara l-iżviluppi tal-aħħar jiem, bħala sostenitur sod u impenjat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), Malta se timxi mal-obbligi tagħha.
Jiddikjara li “Gaża għadha soġġetta għal bumbardamenti bla waqfien mill-Iżrael. Din is-sitwazzjoni kerha spiċċat aggravata biċ-ċaħda tal-għajnuna umanitarja. Is-sistemi bażiċi u essenzjali tal-ikel u tas-saħħa ikkrollaw u l-ispostament mifrux u l-kundizzjonijiet tal-għajxien katastrofiċi huma prevalenti. Ir-riskju tal-ġuħ fit-tramuntana ta’ Gaża jikber ma’ kull jum li l-għajnuna umanitarja tibqa’ tiġi miċħuda.”
Kompla jgħid li “Malta tħeġġeġ lill-Iżrael biex ineħħi r-restrizzjonijiet kollha li qegħdin jxekklu milli titwassal u titqassam l-għajnuna umanitarja f’Gaża u madwarha. Tappella biex ikun stabbilit mill-ġidid l-aċċess umanitarju. L-ispostament fil-forza ta’ persuni ċivili fosthom nisa u t-tfal, irid jintemm. L-isforzi kollha għandhom jiffokaw fuq l-iffaċilitar tar-ritorn ta’ persuni ċivili lejn djarhom.”
Saħaq li “barra minn hekk, Malta tikkundanna bla riserva kull attakki lejn persuni ċivili u infrastruttura ċivili. Il-partijiet kollha jridu jħarsu l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, inkluż il-liġi umanitarja internazzjonali. Malta tisħaq li attakki mmirati lejn ħaddiema umanitarji u ħaddiema tan-Nazzjonijiet Uniti huma inaċċettabbli. Fix-Xatt tal-Punent, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, kompliet għaddejja il-vjolenza u t-tneħħija tal-komunitajiet Palestinjani Dan mhu jagħmel xejn għajr jiddistabbilizza r-reġjun, isaħħaħ l-okkupazzjoni illegali u jimmina l-prospetti għal soluzzjoni ta’ żewġ Stati. Nappellaw lill-Iżrael biex ireġġa’ lura dawn l-azzjonijiet, u biex jirrispetta l-liġi internazzjonali.”
Fil-Kunsill tas-Sigurtà, Malta kompliet tenfasizza li “sejħiet irresponsabbli għat-tehid tax-Xatt tal-Punent minn xi uffiċjali Iżraeljani u r-retorika dwar l-istatus quo tal-postijiet Imqaddsa qegħdin jerġgħu jitfaċċaw, u jżidu aktar mat-tensjoni. Azzjonijiet bħal dawn ikun ukoll bi ksur tal-liġi internazzjonali. Infakkru fl-Opinjoni Konsultattiva tal-ICJ tad-19 ta’ Lulju li ddikjarat b’mod ċar li l-preżenza ta’ Iżrael fit-territorju Palestinjan okkupat hija illegali u għandha tintemm kemm jista’ jkun malajr. Malta tikkundanna kull tentattiv biex jitħassar il-ftehim tal-1967 bejn l-Iżrael u l-UNRWA, jew biex tiġi ostakolata l-kapaċità tal-Aġenzija li timplimenta l-mandat tagħha. Nappellaw lill-Iżrael biex jirrevoka dawn l-azzjonijiet leġiżlattivi. L-Aġenzija hija insostitwibbli billi tipprovdi appoġġ essenzjali lir-refuġjati Palestinjani u tiżgura stabbilità fir-reġjun. L-UNRWA hija l-aħħar linja tas-salvataġġ li fadal għal ħafna Palestinjani. Għandha tissaħħaħ, u l-ħaddiema tagħha għandhom ikunu protetti.
Mingħajr tnaqqis sinifikanti fit-tensjoni li hemm u mingħajr twaqqif mill-ġdid ta’ qafas politiku kredibbli, il-paċi Iżraeljana-Palestina se tibqa’ ma tistax isseħħ.
Malta tħeġġeġ lill-partijiet biex inaqqsu it-tensjoni u jerġgħu jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għad-diplomazija, inkluż dwar is-sitwazzjoni inkwetanti fil-Libanu. Dawk li għandhom influwenza fuq il-partijiet iridu jeżerċitawha biex isseħħ il-paċi. Qafas politiku effettiv irid ikun akkumpanjat b’appoġġ għal Awtorità Palestinjana li tintegra Gaża u x-Xatt tal-Punent, u tagħmel parti minn pjan ta’ rkupru sostenibbli għal Gaża.
Iċ-ċavetta għall-paċi dejjiema tinsab fit-twettiq tal-aspirazzjonijiet Palestinjani għal Stat Palestinjan filwaqt li jiġu żgurati garanziji b’saħħithom għas-sigurtà tal-Iżrael. Malta tibqa’ soda bl-impenn għal soluzzjoni kredibbli u irriversibbli ta’ żewġ Stati, tul il-fruntieri ta’ qabel l-1967, u f’konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-parametri miftiehma internazzjonalment. Din hija l-unika triq vijabbli għal paċi ġusta u dejjiema.”