Sunday, December 22, 2024

Twissija biex in-nies tilqa’ għal mewġa tas-sħana fil-jiem li ġejjin

Aqra wkoll

Hekk kif it-temperatura qed tkompli tiżdied, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard jixtieq jagħti parir lill-pubbliku dwar l-importanza li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jibqgħu b’saħħithom u jiġu evitati konsegwenzi ħżiena mill-effetti tas-sħana. Huwa importanti li wieħed iżomm lilu nnifsu idratat tajjeb matul il-ġranet sħan tas-sajf.

Matul il-jiem li ġejjin, se nkunu qed nesperjenzaw mewġa tas-sħana. It-temperaturi massimi ta’ kuljum huma mbassra li jkunu bejn 35°C u 37°C.

Temperaturi għoljin jikkawżaw telf ta’ ilma mill-ġisem b’rati mgħaġġla li jirriżultaw f’deidrazzjoni. Wieħed għandu joqgħod attent għal sinjali ta’ deidrazzjoni: żieda fl-għatx, ħalq xott, awrina skura, u tgħaddi l-awrina inqas ta’ spiss u f’ammonti żgħar.

Temperaturi għoljin jistgħu jwasslu wkoll għal eżawriment tas-sħana jew heatstroke. L-eżawriment tas-sħana huwa kkawżat minn telf ta’ ilma u melħ permezz tal-għaraq. Sintomi komuni jinkludu li tħossok dgħajjef, jagħtik ħass ħażin jew tħossok ma tiflaħx, uġigħ ta’ ras, bugħawwieġ fil-muskoli, għaraq qawwi u għatx qawwi.

Il-puplesija tas-sħana (heatstroke) hija meta l-ġisem ma jkunx aktar kapaċi jkessaħ lilu nnifsu u t-temperatura tal-ġisem issir għolja b’mod perikoluż. Dan huwa inqas komuni, iżda sintomi huma aktar serji u jekk mhux trattati jistgħu jwasslu għal konfużjoni, aċċessjonijiet, u telf tas-sensi. Ċempel 112 f’każ ta’ emerġenza.

Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda xi nies għandhom riskju akbar ta’ ħsara serja, bħal nies anzjani, trabi, tfal żgħar u nies b’kundizzjonijiet kroniċi.

Biex jiġu evitati l-effetti tal-mewġa tas-sħana huwa importanti li:

• Tevita kull espożizzjoni bla bżonn għax-xemx waqt l-aktar perjodi sħan tal-ġurnata. Dawn normalment ikunu bejn il-11.00 a.m. u l-4.00 p.m.

• Iżżomm frisk billi toqgħod fl-aktar partijiet friski tad-dar u tal-post tax-xogħol.

• Tagħlaq il-purtieri fil-kmamar li jiffaċċjaw ix-xemx biex iżżomm l-ispazji ta’ ġewwa aktar friski.

• Tixrob ħafna ilma biex tissostitwixxi l-fluwidi mitlufa mill-għaraq, filwaqt li tiekol aktar ikel kiesaħ bħal insalati.

• Tevita likwidi li jikkawżaw deidrazzjoni. L-alkoħol, il-kafè, it-te u soft drinks bil-kaffeina jistgħu jagħmlu s-sitwazzjoni agħar.

• Tilbes ħwejjeġ ħfief u ċari.

• Tevita sforz fiżiku fl-iktar partijiet sħan tal-ġurnata, jew tagħżel attività fiżika li tista’ ssir fuq ġewwa jew tagħmel l-attività fiżika tiegħek filgħodu meta jkun l-aktar frisk.

• Timxi fid-dell, tapplika krema protettiva, u tilbes kappell jekk trid toħroġ fis-sħana.

• Qatt tħalli lil ħadd f’vettura magħluqa u pparkjata, speċjalment trabi, tfal żgħar jew annimali.

• Tfittex parir mediku jekk għandek xi tħassib.

Ħu ħsieb il-qraba, ħbieb vulnerabbli jew anzjani li jistgħu jkunu iżolati u ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb lilhom infushom waqt din il-mewġa tas-sħana.

Ekonomija

Sport