Monday, April 14, 2025

TWISSIJA MINN CRISIS RESOLUTION MALTA

Periklu ta’ kriżijiet fiż-żminijiet inċerti tal-Gwerra tat-Tariffi… Problemi ta’ faqar, telf ta’ mpjiegi, fallimenti u nies li jitilfu djarhom

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bl-inċertezzi jiżdied ir-riskju tas-suwiċidji

“X’għandha x’taqsam is-saħħa mentali mal-ekonomija? Għandha x’taqsam u kif! Skont studju li ħareġ fl-2013, ir-Riċessjoni l-Kbira tal-2008 f’dik is-sena fl-Amerika, wasslet għa żieda ta’ 10,000 suwiċidji. Ma ninsewx li r-rata fl-Amerika hija ta’ 300 suwiċidju kuljum. Mhux hekk biss. Fl-1929 sal-1932, ir-Riċessjoni l-Kbira tal-Amerika rat li r-rata ta’ suwiċidju żdiedet b’aktar minn 20 fil-mija. Qegħdin ngħidu dan għax s’issa u sa fejn nafu aħna, ħadd ma semma’ l-gwerra tat-tariffi ta’ Trump u l-impatt li jista’ jkollha fuq is-saħħa mentali tal-bniedem. Ma ninsewx li b’dawn it-tariffi hemm riskju kbir ta’ faqar, telf ta’ mpjiegi, nies li jkollhom ibigħu l-affarijiet tagħhom jew saħansitra jispiċċaw taħt xi pont mingħajr dar. Importanti li nżommu din f’moħħna u noqogħdu attenti. Ma ninsewx li meta gvern iżid il-paga minima b’dollaru wieħed, ir-rata ta’ suwiċidju tonqos bi tlieta fil-mija. Malta m’aħniex differenti”.

Qal dan il-Kap tal-Crisis Resolution Malta, Dott. Mark Xuereb fi twissija serja għall-għawġ li jista’ jiġi fuqna wkoll konsegwenza tal-Gwerra tat-Tariffi mibdija mill-President Donald Trump. Gwerra ekonomika li tmiss lil ħafna pajjiżi inkluż tagħna hekk kif kull miżura li tolqot lill-Unjoni Ewropea, aħna bħala membri u konsumaturi, nintlaqtu wkoll.

“Direttament jew indirettament dawn it-tariffi se jolqtuna”

Dott. Xuereb elabora li, “żgur li, direttament jew indirettament, dawn it-tariffi se jolqtuna. Allura l-messaġġ norbtu fuq żewġ affarijiet bl-ewwel ħaġa tkun biex tkunu intom l-għajnejn u l-widnejn tal-Crisis Team. Ħarsu madwarkom. Staqsu lin-nies li qegħdin fl-ekonomija, in-negozjant jew negozjanta, jekk humiex fi kriżi u jekk iva, biex jitolbu l-għajnuna”.

Hawn huwa fakkar li s-suwiċidju qatt mhuwa s-soluzzjoni. Żied li, “però l-Istorja tgħallimna li waqt riċessjoni, jista’ jkun hemm dawn il-problemi”. It-tieni ħaġa li semma’ hija indirizzata lill-istakeholders tal-Istrateġija Nazzjonali Maltija għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju. 

Hawn Dott. Xuereb staqsa jekk sarx assessjar jew djalogu bejn il-Ministeru tal-Ekonomija, tal-Finanzi, tal-Ġustizzja u tal-Politika Soċjali, mal-unjins u mal-għaqdiet tat-tobba. Insista li, “dawn kollha huma stakeholders importanti. L-istrateġija hija ta’ kulħadd. Ejja ħa ningħaqdu biex inkomplu nsalvaw lin-nies. Ftakru – jekk intom fi kriżi, itolbu għall-għajnuna speċjlament f’din l-atmosfera ta’ tariffi li qegħdin iħassbu lin-nies. J’Alla sejjer żball u j’alla l-Crisis Team hija sejra żbaljata però, itolbu għall-għajnuna,” temm b’appell Dott. Mark Xuereb.

Jekk tinsab fi kriżi fittex l-għajnuna… Se ssibha

Il-Crisis Resolution Malta tistieden biex kull min jinsab fi kriżi jew jafu lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna tagħhom, iċemplu fuq 9933 9966 jew isibuhom fuq il-Facebook jew inkella jużaw il-Kriżi App.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport