Thursday, November 21, 2024

Twissija oħra Russa li “ninsabu f’xifer it-Tielet Gwerra Dinjija”

L-għażla ta’ forniment ta’ armi aktar milli diskussjoni għall-paċi hija ta’ inkwiet għal kulħadd…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Il-mod kif l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qegħdin jipprovokaw lil Putin se jwassal, b’mod inevitabbli, għat-Tielet Gwerra Dinjija”. Dan huwa wieħed mill-ħafna kummenti li minn mindu bdiet il-Gwerra fl-Ukrajna qiegħed jinkiteb fuq il-midja soċjali, jingħad fit-taħditiet fit-toroq, kif ukoll sostnut minn analisti internazzjonali indipendenti.

L-idea mhiex li nbeżżgħu iżda li wieħed ikun infurmat dwar dak li huwa verament għaddej. Kien proprju Putin stess li qal li se jiddefendi lir-Russja b’kull mezz possibbli u aktar riċenti, il-“qanpiena” reġgħet daqqgħet hekk kif membru parlamentari Russu wissa li “ninsabu f’xifer it-Tielet Gwerra Dinjija”.

Kulħadd jitkellem dwar il-paċi iżda l-paċi ma tidhirx li qiegħda tittieħed bis-serjetà fl-aġenda tal-politiċi. Dan hekk kif qegħdin naraw kemm il-Gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll dik f’Gaza, għadhom mhux biss għaddejjin, iżda qegħdin aktar jintensifikaw. Dan minħabba li hekk kif għal dawn l-aħħar snin l-attakki kienu f’territorju Ukren, issa l-invażjoni daħlet f’territorju Russu. Il-fondi għal din il-Gwerra marru fil-maġġorparti tagħhom f’armamenti mill-pajjiżi tal-Punent bil-President Russu, Vladimir Putin, jurta ruħhom lejhom b’mod speċjali lejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, Unjoni li aħna membri tagħha. 

L-istess tattika li ma tawgurax tajjeb qiegħda tiġi wżata fil-Gwerra ta’ Iżrael f’Gaza hekk kif minflok is-superpotenza tal-Istati Uniti “tiġbed widnejn” lil min joqtol nies innoċenti u tara kif twaqqaf konflitti, għal darb’oħra qiegħda tiffinanzja gwerra. Dan hekk kif riċentement ħarġet konferma li l-Istati Uniti approva xejn inqas minn €18.5 biljun f’armamenti lil Iżrael. 

Dan minflok ingħatat prijorità d-diskussjoni għall-paċi fiż-żewġ każijiet kif ilu jitlob il-Papa Franġisku f’omelija wara l-oħra. Sadanittant, in-numru tal-mejta fiż-żewġ gwerer mill-erba’ naħat huwa eżuberanti u se jibqa’ jiżdied jekk ma tinstabx soluzzjoni immedjata ta’ paċi.

Pass mhux mistenni mill-Ukrajna…

Ir-Russja ila tisħaq li l-pożizzjoni tagħha mhiex ta’ konflitt iżda ta’ operazzjoni militari li kienet meħtieġa biex tipproteġi ċittadini Russu f’territorju Ukren. Minkejja l-insistenza ta’ dan il-pajjiż, il-Punent xorta ħa pożizzjoni kontrih tant li nbdew sanzjonijiet u ngħata appoġġ finanzjarju b’mod speċjali fejn jidħlu fondi għall-armamenti biex l-Ukrajna tiddefendi lilha nnfisha. Għar-Russja dan it-tip ta’ atteġġjament u sostenn “minn barra” qatt ma niżel tajjeb. 

Għal dawn l-aħħar sentejn u nofs il-ġlied kien biss fl-Ukrajna u għalkemm kien hemm twissijiet, ir-Russja żammet lura minn dak li l-UE u l-Istati Uniti dejjem indikaw li se jseħħ – li l-Gwerra fl-Ukrajna teskala u tinfirex b’periklu li tfaqqa’ t-Tielet Gwerra Dinjija jew li jsir xi attakk nukleari devastanti. S’issa, fortuntament, l-irjus ma saħnux imma t-twissijiet baqgħu jingħataw fuq bażi regolari. 

It-twissija mir-Russja riċenti ġiet wara li l-armata Ukrena ħadet il-pass mhux mistenni li toħroġ bl-offensiva kontra l-agressur tagħha fit-territorju tiegħu stess. L-Ukrajna fil-fatt fis-6 ta’ Awwissu attakkat u ħadet il-kontroll ta’ partijiet tar-reġjun ta’ Kursk, li jinsab fit-Tramuntana tal-konfini mal-Ukrajna. It-truppi Ukreni daħlu fir-Russja bil-konsegwenza li eluf ta’ ċittadini Russi kellhom jaħabru minn djarhom. Mossa li mhux biss ħasdet lir-Russja iżda ssorprendiet lill-bqija tad-dinja.

Ir-reazzjoni tar-Russja…

“L-għajnuna lill-Ukrajna mill-Punent tista’ twassal għal konflitt globali”

Kien proprju d-Deputat Parlamentari Russu, Mikhail Sheremet li għamel it-twissija inkwetanti riċentement fejn qaL li l-eskalazzjoni tal-Gwerra tal-Ukrajna f’territorju Russu tista’ twassal għal konflitt fatali fuq skala ferm akbar. Minn kliemu, l-invażjoni f’pajjiżu tal-Ukrajna, li hija appoġġata mill-Punent, tista’ tkun ta’ tħassib internazzjonali. 

Fil-fatt, Sheremet indika twissija serja meta qal li, “meta nikkonsidraw il-preżenza ta’ armi mill-Punent, l-użu ta’ balala u missili fl-attakki fuq infrastrutttura ċivili u provi ċari ta’ parteċipazzjoni minn pajjiżi oħra fl-attakk fuq territorju Russu, wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li d-dinja hija f’xifer it-Tielet Gwerra Dinjija”. Dawn it-tip ta’ twissijiet ilhom isiru u t-theddida minn alleanzi perikolużi ilna narawha u nirrappurtawha. Dan hekk kif fuq naħa hemm l-Ukrajna bis-sostenituri tagħha jkunu l-pajjiżi tal-Punent b’mod speċjali l-UE u l-Istati Uniti u r-Russja b’alleati perikolużi fosthom il-Korea ta’ Fuq, iċ-Ċina u xi pajjiżi Afrikani.

Ir-Russja b’alleanzi b’saħħithom

L-alleanza tal-Korea ta’ Fuq, taħt it-tmexxija ta’ Kim Jong Un, fil-fatt f’dawn il-ġranet reġgħet ġiet ikkonfermata fejn iddikjara li, “ir-Russja se toħroġ rebbieħa fil-gwerra qaddisa tagħha għall-paċi u għall-ġustizzja”. Min-naħa l-oħra, bħallikieku mhux inkwetanti biżżejjed li Putin għandu lil Kim Jong Un fuq in-naħa tiegħu, mal-lista ġie kkonfermat il-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, li wissa li jekk Kyiv jattakka lill-pajjiżu, il-gwerra tinfirex.

Barra l-Korea ta’ Fuq u l-Belarus, ir-Russja saħħet l-alleanza tagħha ma’ pajjiżi b’saħħithom oħra fosthom iċ-Ċina, l-Iran u Myanmmar. Moscow huwa rrapportat ukoll li qiegħed jagħmel alleanzi ma’ reġimi fil-Lvant Nofsani u fl-Ażja biex ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu kif ukoll, aktar riċenti, qiegħed jiġbed lejh pajjiżi mill-Afrika t’Isfel b’argumenti kontra l-apartheid.

Meta wieħed jara dawn it-tip ta’ alleanzi, kemm min-naħa, kif ukoll minn oħra, bilfors jinkwieta. Id-dinja tista’ tgħid li qiegħda tinqasam f’żewġ gruppi kontra xulxin u l-ebda naħa ma tidher li se ċċedi. Din hija sitwazzjoni li qiegħda tevolvi u hija versatili għall-aħħar. L-istess nistgħu ngħidu għall-Gwerra ta’ Iżrael f’Gaża li wkoll bdiet fuq il-“pretesi” li Iżrael għandu d-dritt ukoll li jiddefendi lilu nnifsu. Iżda fil-ġlieda tiegħu kontra l-Ħamas, ukoll sostnuna mill-Istati Uniti b’finanzjamenti ta’ armi bil-biljuni, qegħdin imutu nies ċivili, inklużi tfal innoċenti. 

Talba għall-paċi… Il-qanpiena ma ddoqqx għalxejn

Din il-Gwerra wkoll qiegħda twassal għal rabja, instabbiltà u diviżjonijiet ġeo politiċi għal waqfien mill-ġenoċidju tal-Palestinjani. Hawn ukoll il-Papa Franġisku insista li għandhom jitwaqqfu l-gwerer issa. Dan għax is-Santità tiegħu wkoll qiegħed jara eskalazzjoni u alleanzi perikolużi. Bħalu jaħsbu analisti politiċi internazzjonali li jsegwu l-iżviluppi kollha. It-theddida qiegħda hemm. 

Il-qanpiena ma ddoqqx għalxejn. It-talba għall-paċi għandha ssir mill-popli kollha hekk kif il-politiċi mitlufin f’taqbida għall-poter, f’argumenti min għandu raġun u min m’għandux u fi “ħbiberiji” studjati mhux għal għanijiet paċifiċi iżda għal alleanzi ta’ forza f’każ ta’ eskalazzjoni globali. Eskalazzjoni b’periklu serju li għandna nevitawh għall-aħħar – il-periklu li wissewna kemm-il darba bih ir-Russja li tibda t-Tielet Gwerra Dinjija.

Jekk jitla’ Trump…

Vera tieqaf il-Gwerra fl-Ukrajna?

Hawn wieħed ma jistax ma jsemmix ix-xrara ta’ tama li hemm jekk verament jiġi elett fl-elezzjonijiet presidenzjali tal-Istati Uniti, Donald Trump. Dan diġà ddikjara li jekk f’Novembru li ġej jerġa’ jkun fit-tmun tal-Istati Uniti, il-Gwerra fl-Ukrajna tieqaf. 

Kif ma qalx u jekk jitla’ għadna ma nafux. Li huwa żgur hu li fi żmien il-presidenza tiegħu l-Amerikani ma kienux fi gwerer u li Trump juża tip ta’ tattika li biha jirnexxielu jdur ma’ Putin. Fil-fatt, bejn dawn it-tnejn hemm relazzjoni tajba. Forsi, bil-kelma t-tajba Trump jasal verament li jikkalma l-konflitt u għal dawk li normalment jikkritikaw lil dan l-eks President Amerikan, jekk it-theddida tat-Tielet Gwerra Dinjija tisfuma fix-xejn grazzi għal intervent mingħandu, għal darba jammettu li jekk xejn, Trump huwa negozjatur tajjeb.

Sport