Wednesday, December 25, 2024

Twissija serja mill-IMF lir-Renju Unit dwar it-tnaqqis tat-taxxi

Aqra wkoll

Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) ikkritika b’mod miftuħ lill-gvern tar-Renju Unit dwar il-pjan tiegħu għat-tnaqqis tat-taxxa, u wissa li l-miżuri ppjanati x’aktarx li jqanqlu aktar il-kriżi tal-għoli tal-ħajja. Fi stqarrija ċara mhux tas-soltu, l-IMF qal li l-proposta tal-gvern x’aktarx li żżid l-inugwaljanza u żżid mal-pressjonijiet li jgħollu l-prezzijiet.

Is-swieq finanzjarji diġà qajmu l-allarm dwar il-pjanijiet li b’konsegwenza waqqgħu l-Lira Sterlina. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ingliz qed isostni li l-miżuri huma bżonnjużi biex jagħtu bidu għat-tkabbir ekonomiku.

Il-bieraħ filgħodu, l-isterlina naqset fil-valur tagħha b’0.7% u ġiet tiswa daqs 1.06 dollari Amerikani wara li l-IMF qajjem it-tħassib tiegħu. Dan ġie wara li l-munita laħqet livell baxx rekord ta’ madwar $1.03 nhar it-Tnejn.

Il-Ġimgħa l-Kanċillier Ingliz Kwasi Kwarteng żvela l-akbar pakkett tat-taxxa tal-pajjiż f’50 sena. Iżda t-tnaqqis ta’ £45 biljun qanqal biża’ li s-self tal-gvern jista’ jiżdied flimkien mar-rati tal-imgħax.

Ix-xogħol tal-IMF huwa ndirizzat biex jistabbilizza l-ekonomija globali u wieħed mir-rwoli ewlenin tiegħu huwa li jaġixxi bħala sistema ta’ twissija ekonomika bikrija.

Il-pakkett ta’ miżuri kellu l-għan li jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, iżda l-IMF wissiet li t-tnaqqis fit-taxxi jista’ jħaffef il-pass taż-żidiet fil-prezzijiet, li l-bank ċentrali tar-Renju Unit qed jipprova jnaqqas. Barra minn hekk, skont l-IMF in-natura tal-miżuri tar-Renju Unit x’aktarx se żżid l-inugwaljanzi fost in-nies.

L-IMF qal li l-gvern li ppubblika pjan fiskali tiegħu fit-23 ta’ Novembru taħ l-opportunità biex “jerġa’ jevalwa” miżuri tat-taxxa, speċjalment dawk li jibbenefikaw lil dawk li jaqilgħu l-iktar. Il-proposti tal-gvern tar-Renju Unit se jneħħu l-ogħla rata tat-taxxa fuq id-dħul u jtemmu limitu fuq il-bonuses tal-bankiera fost miżuri oħra.

It-tħabbira tal-Ġimgħa li għadda qanqlet jiem ta’ taqlib finanzjarju fejn uħud mill-akbar istituzzjonijiet tas-self tal-pajjiż issospendew ukoll ftehimiet ta’ ipoteki fost l-inċertezza li ħakmet.

Sadanittant, it-Teżor Ingliż fisser li qed jiffoka fuq it-tkabbir tal-ekonomija sabiex jgħolli l-livell tal-għajxien għal kulħadd.

Il-kanċillier Kwarteng kellu jippubblika l-pjan tiegħu fuq terminu medju għall-ekonomija fit-23 ta’ Novembru, li kien jinkludi l-iżgurar li d-dejn tar-Renju Unit jonqos bħala sehem mill-produzzjoni ekonomika fit-terminu medju.

Intant, Lord Frost, l-eks ministru tal-Brexit u alleat mill-qrib tal-Prim Ministru Liz Truss, ikkritika l-istqarrija tal-IMF. Huwa qal lil ġurnal Daily Telegraph li l-IMF sostna b’mod konsistenti politiki ekonomiċi konvenzjonali ħafna u li l-uniku mod ‘il quddiem għall-Gran Brittanja huwa taxxi aktar baxxi, trażżin fl-infiq, u riforma ekonomika sinifikanti.

L-editur tal-ekonomija tal-BBC Faisal Islam jgħid li ċ-ċanfira tniggeż tal-IMF tirrifletti tħassib simili mill-ministeri ewlenin tal-finanzi tad-dinja li l-kriżi li qed titħejja fir-Renju Unit tista’ tinfirex u twassal għal tnaqqis globali.

Adnan Mazarei, eks deputat direttur fl-IMF qal li huwa komuni li l-fondazzjoni tagħmel dikjarazzjonijiet b’saħħithom dwar “pajjiżi tas-suq emerġenti b’politiki problematiċi iżda mhux spiss pajjiżi tal-G7”.

Qal li dan juri li l-IMF kien inkwetat li t-tnaqqis fit-taxxa kien permanenti u li l-baġit ikollu jiġi ffinanzjat b’aktar self. Kien imħasseb ukoll dwar iż-żieda fl-inflazzjoni li tkun teħtieġ żidiet fir-rati tal-imgħax mill-Bank of England. Huwa qal ukoll li “il-biża” kien li l-Bank of England u t-Teżor ma kinux qed jaħdmu flimkien għall-benefiċċju tal-ekonomija tar-Renju Unit.

Kompla qal li hemm ukoll sens ta’ problemi fil-ġestjoni ekonomika tal-pajjiż u l-kapaċità tagħhom li jittrattaw kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal problemi ta’ inflazzjoni u diffikultajiet fis-suq finanzjarju, pereżempju problemi fis-swieq tal-ipoteki li se jweġġa’ lill-familji tar-Renju Unit.

Nhar it-Tlieta, il-Bank of England indika li kien lest li jżid ir-rati tal-imgħax bi tweġiba għat-tnaqqis fil-valur tal-lira.

Ekonomista ewlieni qal li l-Bank of England ma jistax ikun indifferenti għall-iżviluppi tal-jiem li għaddew u li l-Bank ikollu jagħti rispons sinifikanti tal-politika monetarja biex jipproteġi l-isterlina.

It-tip ta’ twissija li l-Gran Brittanja ingħatat mill-IMF hija tip ta’ twissija li tingħata ħafna aktar ta’ spiss lil swieq emerġenti bi gvernijiet ġodda milli għal pajjiż bħall-Gran Brittanja.

Ekonomija

Sport