Saturday, October 26, 2024

ARA: Tyre Nichols beda jsejjaħ ’l ommu għall-għajnuna hu u jaqla’ diversi daqqiet qabel miet

Aqra wkoll

Filmat imxandar fil-midja juri l-mument li fih ħames eks uffiċjali tal-Pulizija f’Memphis, li qegħdin ikunu akkużati bi qtil, bdew jagħtu bis-sieq u bil-ponn lil sewwieq hu u jokrob għall-għajnuna. 

L-uffiċjali dehru jsawtu lil Tyre Nichols ta’ 29 sena f’filmat ta’ CCTV miġbud fis-7 ta’ Jannar. Min-naħa l-oħra, ir-raġel ta’ karnaġġjon skur ma deher joffri l-ebda reżistenza waqt l-arrest.

L-avukati tal-vittma qed iqabblu l-każ ma’ dak li seħħ fl-1991 meta uffiċjali sawtu lis-sewwieq Rodney King f’Los Angeles.

F’filmati ppubblikati mid-Dipartiment tal-Pulizija f’Memphis, l-uffiċjali, li wkoll huma ta’ karnaġġjon skur, jinstemgħu jagħjtu mal-vittma, b’dan tal-aħħar jgħidilhom li kienu qegħdin jesaġeraw u li kulma kien qiegħed jipprova jagħmel kien li jmur lura lejn id-dar bil-kwiet. Ftit sekondi wara wieħed mill-uffiċjali uża taser gun, b’Nichols jirnexxielu jiżgiċċa minnhom għal ftit ħin sakemm f’filmat ieħor huwa jidher jaqla’ diversi daqqiet mill-istess uffiċjali. Tnejn bdew iżommuh u l-oħrajn isawtuh sakemm ħallewh iserraħ ma’ karozza tad-dipartiment għal iktar minn 20 minuta sakemm waslet ambulanza. Iż-żewġ filmati l-oħra kienu miġbudin mill-bodycams u saħansitra juru l-użu ta’ pepper spray waqt l-arrest.

Il-President Amerikan Joe Biden qal li jħoss “weġgħa” quddiem dan il-filmat orribbli.

Sport