Monday, March 24, 2025

U/18: Malta megħluba mil-Litwanja f’partita ta’ ħbiberija

Aqra wkoll

Malta …………….0

Litwanja ………. 1

Il-Ħadd wara nofs in-nhar, it-team nazzjonali Malti ta’ Taħt it-18-il sena safa megħlub b’goal uniku skorjat lejn tmiem l-ewwel taqsima fit-tieni partita ta’ ħbiberija kontra l-Litwanja. 

Il-Ġimgħa li għadda, iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 2-2, fl-ewwel partita ta’ ħbiberija. 

Din il-partita kienet inqas divertenti minn dik preċedenti, bl-azzjonijiet ikunu skarsi fuq il-lasti rispettivi bil-Maltin ma setgħux joħolqu l-attakki biex jixħtu pressjoni fuq il-Litwani li kien organizzati fid-difiża.

L-ewwel nofs siegħa kienet monotona biż-żewġ timijiet jikkanċellaw lil xulxin. It-team ospitu kien aktar avventuruż iżda sabha diffiċli biex jinfed lid-difiża organizzata tal-Litwanja, bil-maġġoranza tal-players jilagħbu mal-aqwa timijiet fl-Ingilterra u fl-Italja.  

Madankollu kienu l-Litwanja li skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa lejn tmiem l-ewwel taqsima meta Nedas Garbaliauskas irnexxielu jixħet il-ballun fix-xibka wara taħwida quddiem il-lasta.

Fil-58 minuta, il-viżitaturi kellhom opportunita tajba meta free-kick ta’ Ridas Gramba kien għoddu ħasad lil Camilleri li salva b’diffikultá. 

Il-kumplament tat-taqsima kompliet bħal dik ta’ qabel il-mistrieħ, bil-Maltin jipprovaw joħolqu xi reazzjoni iżda l-goalkeeper Litwan, Ugnius Semaska, ​​rari kien impenjat.

Madankollu, iż-żewġ logħbiet urew li kien test għall-players żgħażagħ futuri tagħna, bl-istaff tekniku għandu x’jevalwa għal-logħbiet ta’ ħbiberija li jmiss fix-xhur li ġejjin.

Malta – Carlos Camilleri (Miguel Camilleri 75), Nathan Joyce (Vella Jayden 84), Amin Malik, Luke Bugeja (Nathan Zerafa 62), Sheldon Borg, Dejan Farrugia (Ubada Hijazi 75), Adam Vella (Shaun Xiberras 46), Chris Vella Gonzalez (Thomas Melillo 46), Kai Bartolo (Liam Micallef 62), Jerome Baldacchino (Luca Vella 75), Jake Borg (Emerson Piscopo 62). – Coach: Stefano Grima

Lithuania – Ugnius Semaska, Lukas Klisys, Dovdyas Sasnauskas, Dovdyas Griska, Emilis Kirliauskas (Matias Angelo Pastori 75), Jordanas Alisaukas (Skirmantas Janunius Paykstc 72), Nojus Petkus, Sidas Pralieika, Ridas Gramba (Matas Ambrazaitis 69), Paulius Urbelionis, Nedas Garbaliauskas – Coach: Mindaugas Cepas

Referee – Anthony Paul Vella

Ammonit – Emilis Kirliauskas (L) 25. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport