Illum, it-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena jilgħab is-seba’ logħba tiegħu, barra minn darna kontra l-Kazakhstan, valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew bil-fażi finali ssir fis-Slovenja, f’Ġunju 2025.
It-team immexxi mill-coach, Ivan Woods, għadu qed ifittex l-ewwel punt hekk kif ġej minn sitt telfiet fi grupp li jinkludi lil Spanja, l-Iskozja, l-Ungerija u l-Belġju.
Il-Maltin bdew dan il-grupp bi tliet telfiet konsekuttivi f’darna kontra Spanja (6-0), l-Ungerija (3-0) u l-Belġju (3-0).
L-aqwa partita taż-żgħażagħ Maltin kienet kontra l-Iskozja hekk kif tilfu biss 2-1 barra minn darna.
Iżda dawn segwew telfiet oħra kontra Kazakhstan (2-0) u kontra l-Belġju (3-1).
L-għażla ta’ Woods waqgħet fuq il-players li lagħbu dawn il-partiti iżda nkluda wkoll lill-midfielder, Dylan Scicluna, li jilgħab fl-Awstralja ma’ Western Sydney Wanderers.
Il-coach sejjaħ ukoll lill-attakkant ta’ Hibernians, Isaiah Chukunyere, li tant qed jispikka bil-flokk Pawlist fl-ogħla diviżjoni minkejja li għad għandu 19-il sena.
Woods inkluda wkoll lil Basil Tuma ta’ Reading FC li kapaċi jagħti aktar potenzjal lis-settur tal-attakk.
It-team Malti lagħab żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra l-Belarus bħala preparazzjoni għal-logħbiet li ġejjin fejn tilef l-ewwel waħda bl-iskor ta’ 2-0 u rebaħ it-tieni bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal jasal minn penalty mogħti minn Andrea Zammit.
L-avversarji tagħna tal-lum, il-Kazakhstan, għandhom tliet punti biss minn sitt partiti, ironikament, l-unika rebħa waslet kontra tagħna.
Il-coach tagħhom huwa Kairat Nurdauletov, 41 sena, li fil-karriera tiegħu lagħab bħala difensur.
L-iskwadra tiegħu hija komposta pjuttost b’elementi ġodda hekk kif bħalissa għaddejja minn fażi ta’ trażizzjoni.
Il-partita se tintlagħab, FC Kairat Academy Stadium, f’Almaty, li jesa 15,000 spettatur, fit-3.00 pm, ħin lokali.
Nhar it-Tlieta li ġej, 10 ta’ Settembru, il-Maltin jospitaw lill-Iskozja, fl-Istadium Nazzjonali, fis-6.30 pm.