Meta ntlagħab it-tieni programm tal-ewwel leg tal-kwarti-finali tal-UEFA Champions League, Barcelona għandhom sieq waħda fis-semi-finali meta umiljaw lil Borussia Dortmund bl-iskor ta’ 4-0 filwaqt li Paris St-Germain kisbu rebħa tajba ta’ 3-1 fuq Aston Villa.
Barcelona …………………4
Borussia Dortmund ……0
Barcelona ddominaw u għelbu lil Borussia Dortmund bl-iskor ta’ 4-0.
Huma fetħu l-iskor fil-25 meta minn azzjoni ta’ free-kick meta Inigo Martinez xeħet bir-ras lejn il-lasti fejn kien hemm Pau Cabarsi li għeleb lill-goalkepeer, Gregor Kobel, b’Raphinha jkompli l-ballun għal ġewwa minn fuq il-linja fatali.
Man-nofs siegħa logħob, Borussia Dortmund setgħu kisbu d-draw iżda Serhou Guirassy falla ċans faċli minn pożizzjoni ideali.
Ta’ dan in-nuqqas huma pattew qares għax fit-48 minuta, il-Katalani rduppjaw meta Raphinha xeħet lejn Robert Lewandowski li minn taħt il-lasti ma żbaljax.
U wara li Fermin Lopez laqat il-lasti, Lewandowski (66) għamilhom tlieta b’xutt fir-rokna tax-xibka.
Fis-77 minuta, Yamine Lamal ta d-daqqa mortali lil Borussia wara li rċieva mingħand Raphinha
Paris St-Germain …..3
Aston Villa …………..1
Minkejja li ddominaw għal ħinijiet twal, Paris St-Germain għelbu lil Aston Villa bl-iskor ta’ 3-1.
Konxju mill-qawwa tal-Franċiżi, it-tattika tal-manager ta’ Aston Villa, Unai Emery, kienet li jiddefendu u jagħlqu l-ispazju lill-avversarji aktar milli jkun avventurużi.
Il-Pariġini kienu l-aħjar team fl-ewwel taqsima fejn fallew bosta ċansijiet ta’ skor … u fl-uniku xutt li ndirizzaw lejn il-lasti, Aston Villa fetħu l-iskor meta minn kontrattakk veloċi, Morgan Rogers (35) xeħet fix-xibka.
Iżda ħames minuti wara, il-Pariġini kisbu d-draw minn Desire Doue permezz ta’ xutt imdawwar.
U fid-49 minuta, marru fil-vantaġġ minn azzjoni personali ta’ Khvicha Kvaratskhelia.
Fit-92 minuta, Nuno Mendes issiġilla r-rebħa b’xutt fil-baxx minn qagħda angolata.