Jagiellona ………..……1
Hamrun Spartans …..0
Fid-debutt tagħhom fil-Fażi tal-Kampjonat tal- UEFA Conference League, Hamrun Spartans marru l-Polonja u sfaw megħluba minn Jagiellonia bl-iskor ta’ 1-0.
Peró, dan ir-riżultat ma jagħtix stampa ċara tal-andament minħabba li l-Ispartans ippreżentaw wirja impekkabbli u ma kienx jimmeritahom li joħorġu b’idejhom vojta.
Għal ħinijiet twal huma kienu territorjalment dominanti u meta tkeċċa Joseph Mbong urew dixxiplina u kibru wkoll fl-istatura.
Appena għaddew erba’ minuti, il-Pollakki resqu viċin li jiftħu l-iskor meta, b’daqqa ta’ takkuna Jesus Imaz żmarka lil Amifico Pululu, li iżda, mill-viċin falla l-mira. Ir-reazzjoni Ħamruniża kienet immedjata meta Simkus venven xutt minn tarf il-kaxxa li għadda fuq il-mimduda.
Fit-tmien minuta, b’azzjoni personali, Saliou Thioune daħal fil-kaxxa iżda xxuttja ċentrali.
Fis-16-il minuta, Thioune għadda lejn N’Dri Koffi li ġibed lejn ix-xellug, avvanza u pprova jipplejsja l-ballun fix-xibka iżda ġie antiċpat mill-goalkeeper, Slawomir Abramowicz. Minuta wara, kellu jkun Ognjen Bejlicic li nnewtralizza fil-ħin lil Pululu fejn deher li seta’ jagħmel il-ħsara.
Fid-29 minuta, Bernardo Vital naqas li jiftaħ l-iskor għall-Pollakki meta minn azzjoni ta’ corner kien żmarkat waħda iżda minn qagħda tajba għolla d-daqqa ta’ ras tiegħu.
Fit-33 minuta, Ante Coric pprova jaħsad lill-goalkeeper Pollakk b’xutt imdawwar minn barra l-kaxxa li deher destinat għal ġox-xibka iżda Abramowicz dawwar f’corner.
Fit-38 minuta, Jagiellonia skorjaw minn Imaz f’azzjoni konfuża quddiem il-lasti difiżi minn Henry Bonello iżda l-goal ma ġiex konvalidat mill-VAR hekk kif Pululu deher jagħmel kuntatt ma’ Polito bil-konsegwenza li l-player Ħamruniż ġie żbilanċjat u waqa’ mal-art.
It-tieni taqsima bdiet b’goal ieħor skorjat li ġie mħassar għal offside ta’ Pululu.
Peró, fis-57 minuta, il-Pollakki fetħu l-iskor meta Pululu seraq il-ballun lil Rafael Compri f’nofs il-ground, għadda lejn JESUS IMAZ li minn tarf il-kaxxa għeleb lil Bonello.
Fit-63 minuta, l-affarijiet komplew sejrin ħażin għall-Ispartans meta tkeċċa Joseph Mbong għal foul fuq Taras Romanczuk.
Fil-71 minuta, kien Bonello kien providenzjali għal Hamrun meta ħareġ minn postu u antiċipa lil Romanczuk. Minuta wara, l-Ispartans kienu ferm sfortunati li ma kisbux id-draw meta l-clearance ta’ Norbert Wojtuszek waqgħet għand Koffi li minn pożizzjoni angolata mmira lejn ix-xibka bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-goalkeeper Abramowicz biex iċ-ċans intilef.
Fit-83 minuta, Hamrun appellaw għal penalty meta s-sostitut Stijn Meijer ġie miġbud minn Dusan Stojinovic.
JAGIELLONIA: 50-Slawomir Abramowicz, 27-Bartlomiej Wdowik, 3-Dusan Stojinovic, 13-Bernardo Vital, 15-Norbert Wojtuszek, 6-Taras Romanczuk, 11-Jesus Imaz (8-Dawid Drachal 85), 31-Leon Flach (21-Sergio Lozano 66), 80-Oskar Pietuszewski, 10-Afimico Pululu (9-Dimitris Rallis 85), 7-Alejandro Pozo (18-Louka Prip 76) – Coach: Adrian Siemieniec
HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 2-Rafael Compri, 13-Vincenzo Polito, 27-Ognjen Bjelicic, 94-Ryan Camenzuli, 10-Joseph Mbong, 24-Ante Coric, 25-Eder Domingos (47-Mouad El Fanis 77), 33-Domantas Simkus (20-Jovan Cadjenovic 68), 19-N’Dri Koffi (14-Semir Smajlagic 77), 9-Saliou Thioune (99-Stijn Meijer 77) – Coach: Giacomo Modica
referee: Igor Stojchevski (Maċedonja)
ASS. refereeS: Goce Petreski, Darko Vidinic (Maċedonja)
RABA’ UFF: Fatmir Bafto (Maċedonja)
SKORER: J. Imaz 57 (J)
AMMONITI: V. Polito, Eder (HS); A. Pululu (J)
TKEĊĊA: J. Mbong 63 (HS)