Tuesday, February 18, 2025

UCL: Diffiċli għal Manchester City kontra Real Madrid

Aqra wkoll

Illum u għada jintlagħab it-tieni leg tal-play-offs biex ikun magħruf it-tieni sett ta’ tmien timijiet biex jikkwa­lifikaw għall-Aħħar 16 tal- UEFA Champions Lea­gue.  

Dawn se jingħaqdu ma’ dawn it-timijiet li fil-Fażi tal-Kampjonat spiċċaw fl-ewwel tmien postijiet. Dawn huma Liverpool, Barcelona, Arsenal, Inter, Atletico Mad­rid, Bayer Leverkusen, Lille u Aston Villa. 

Jekk l-aggregate ikun dak ta’ draw, ikun jinħtieġ li jintlagħab il-ħin barranin u jekk jibqa’ l-istess wara 120 minuta, jingħataw il-penalties biex jiġi deċiż ir-rebbieħ. 

Ta’ min isemmi li r-regola tal-goal away m’għadhiex fis-seħħ u għaldaqstant tkun aktar faċli li l-partiti jmorru għall-ħin barrani għalkemm f’bosta minn dawn il-konfronti huma kważi diġá deċiżi.  

Real Madrid v Man City – Real Madrid jilqgħu lil Manchester City hekk kif dawn tal-aħħar iridu jirbħu b’vantaġġ ta’ taż-żewġ biex javvanzaw għar-round li jmiss wara li fl-Etihad Stadium il-Madrileni ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2. 

F’din il-partita, l-Ispanjoli dawru r-riżultat fl-aħħar erba’ minuti meta sa dak il-ħin Manchester City kienu qed jirbħu bl-iskor ta’ 2-1. 

Iżda goals minn Brahim Diaz u  Jude Bellingham, fit-92 minuta, jagħmlu lil Real Madrid favoriti li jikkwalifikaw mal-Aħħar 16. 

Paris SG v Brest – Il-partita bejn Paris St Germain u Brest, f’dan id-Derby ta’ Franza, se tkun formalitá hekk kif il-Pariġini jieħdu magħhom f’darhom vantaġġ ta’ tliet goals.

Minkejja li fil-football jista’ jseħħ kollox, hija kważi impossibbli li Brest jirbħu b’vantaġġ ta’ erba’ goals kontra l-aktar team li jinsab fil-forma fi Franza minbarra li huwa l-uniku team fl-Ewropa li għadu mhux megħlub fil-kampjonati domestiċi.

Borussia D. v Sporting – Anke Borussia Dortmund huma fil-proċess li jaqtgħu l-passaġġ tagħhom għar-round li jmiss meta jilqgħu lil Sporting Lisbon wara li rreġistraw rebħa ta’ 3-0 fil-Portugall. 

Għaldaqstant hija missjo­ni impossibbli għal Sporting.

Bayern M. v Celtic – Ba­yern Munich jospitaw lil Cel­tic fejn jibdew b’vantaġġ ta’ 2-1. 

Dan huwa konfront bejn il-klassi u d-determinazzjoni. Fl-ewwel leg, minkejja li kienu qed jilagħbu barra minn darhom, il-Bavarjani ddominaw  għal kollox lil Celtic u setgħu rebħu bi skor aktar.

Iżda l-attitudni u d-determinazzjoni qed iżommu lil Celtic jittamaw u jimmiraw li joħolqu xi sorpriża għalkemm fil-veritá Bayern huma favoriti netti li jkom­plu javvanzaw.  

PSV v Juventus– Juventus imorru għand PSV Eindhoven fejn jieħdu magħhom vantaġġ ta’ 2-1 grazzi għall-goal tar-rebħa li wasal fl-aħħar ħinijiet mis-sostitut Samuel Mban­gu­la.

Din hija partita delikata għal Juventus u jridu jiskorjaw l-ewwel biex joqtlu kull tama għall-Olandiżi. 

Jekk min-naħa l-oħra jkunu PSV li jiftħu l-iskor wieħed jantiċipa partita diffiċli għall-Bianconeri. 

Iżda huma jinżlu b’moral mill-aktar għoli wara li nhar il-Ħadd li għadda reb­ħu d-Derby tal-Italja fuq Inter bl-iskor ta’ 1-0.  

*U ladarba qed nitkellmu fuq it-Taljani, Atalanta u Milan għandhom partiti diffiċli meta f’darhom ikunu jridu jirkupraw żvantaġġ ta’ goal. 

Filwaqt li Atalanta sfaw megħluba minn Club Brugge bl-iskor ta’ 2-1, Milan tilfu għand Feyenoord bl-iskor ta’ 1-0. 

Is-sigriet huwa li ma jsofrux l-ewwel goal minħabba li dan l-impenn isir aktar diffiċli u saħansitra tikber il-pressjoni. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport