Fit-tieni semi-finali tal-UEFA Champions League, Inter rebħu l-ewwel leg tad-Derby della Madonnina kontra AC Milan meta ddominaw bis-sħiħ u għelbu lir-Rossoneri bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalijom jaslu fi spazju ta’ tliet minuti, kmieni fl-ewwel taqsima.
AC Milan kellhom lil Rafael Leao nieqes minħabba injury, liema player inħass ferm fl-attakk tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-coach ta’ Inter Simone Inzagħi għażel li ma jibdiex lil Romelu Lukaku mal-ewwel 11, fejn daħal biss bħala sostitut fejn ħa post Edin Dzeko fis-70 minuta.
Inter għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fetħu l-iskor permezz ta’ Edin Dzeko (8). U jidher li huma ma kinux kuntenti biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif proprju tliet minuti biss wara rduppjaw l-iskor permezz ta’ Henrik Mkhitaryan (11).
Permezz ta’ dawn iż-żewġ goals, Inter, saru l-uniku team li kellu żewġ skorers ta’ iktar minn 34 sena f’logħba knockout tal-UEFA Champions League. Fil-31 minuta, ir-referee tal-partita, Jesus Gil Manzano, ordna penalty favor Inter meta Simon Kjaer allegatament deher iwaqqa’ lill-captain Lautaro Martinez fil-kaxxa. Madankollu, wara li kkonsulta mal-VAR, l-istess referee ħassar il-penalty kif ukoll il-karta safra li kien wera lil Kjaer.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, AC Milan, ħarġu aħjar u fil-50 minuta Sandro Tonali għadda pass intelliġenti lejn Junior Messias, iżda dan kellu x-xutt tiegħu minn ġol-kaxxa li ntemm ftit barra.
Inter wieġbu fit-53 minuta, meta Edin Dzeko, ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper ta’ AC Milan, Mike Maignan, iżda dan dawwar tajjeb f’corner b’siequ.
Inter komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.