Thursday, July 31, 2025

UCL: Floriana jħarsu lejn konfront diffiċli kontra FC Ballkani

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Floriana se jkunu mpenjati f’konfront diffiċli meta jilqgħu lit-team mill-Kosovo, FC Ballkani, liema partita hija valida mit-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifi­kazzjoni tal-UEFA Confe­rence League. 

Wara li tilfu 4-2 fl-ew­wel leg fi Pristina, il-Greens iridu jirbħu b’vantaġġ ta’ żewġ goals biex għall-inqas imorru għall-ħin barrani bil-possibbiltá li jaqilbu l-aggregate favur tagħhom. 

Barra minn hekk iż-żewġ goals li skorjaw barra minn xtutna, jistgħu wkoll ikunu kruċjali. 

Iżda minkejja li fuq il-karta tidher li se tkun diffiċli, il-mira ta’ Floriana mhijiex impossibbli. Peró huma jridu jieħdu vantaġġ kmieni li, bla dubju, jgħollihom il-moral.

Floriana jridu wkoll jieħ­du l-punti pożittivi  mit-telfa li sofrew fl-ewwel leg. 

Dan minħabba li huma kienu darbtejn fil-vantaġġ bil-goals jaslu minn penalty ta’ Jake Grech u Mustapha Jah. 

Filwaqt li Grech skorja fit-tliet partiti li Floriana lagħbu s’issa u kollha waslu mill-11-il metru, il-player mit- Tanzania, Charles M’Mombwa, flimkien mal- istess Jah mill-Gambja, hu­ma l-aktar players peri­kolużi li l-coach, Daniel Por­tela, irid jutilizza fl-attakk b’mod mill-aktar insidjuż. 

Fil-veritá kollox huwa mitluf għal Floriana u għal­daqstant il-coach Portugiż irid iżid element ieħor fl-attakk biex jippressa kontinwament lill-avversarji.  

Huwa ferm importanti li l-Greens jiskorjaw l-ewwel. Jekk min-naħa l-oħra jkunu l-avversarji li jsibu x-xibka l-ewwel, allura l-inizjattiva tgħaddi għandhom u jkunu huma li jibdew jiddettaw il-logħob. 

Il-punt pożittiv huwa li minkejja li fl-ewwel leg Floriana ħarġu telliefa, fl-ebda ħin ma wrew xi sintomu ta’ inferjoritá. 

Anzi, f’nofs it-tieni taqsima, l-iskor seta’ sar 3-1 favur il-Greens iżda minn nofs metru bogħod, Jah tfixkel biex ma rnexxielux jixħet il-ballun fix-xibka.

Ir-rebbieħa ta’ dan il-konfront jaffronta lil min se jikkwalifika bejn St Joseph’s FC ta’ Ġibiltá u Shamrock Rovers tal-Irlanda fit-tielet round ta’ kwalifikazzjoni. 

Il-partita se tibda fit-8.45 pm u se tintwera diretta fuq TVMSports+. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport