Sunday, December 22, 2024

UCL: Gzira United miżmuma minn Glentoran

Aqra wkoll

Gzira Utd ………2

Glentoran ………2

F’partita li pproduċiet xejn inqas minn erba’ goals, Gzira United u Glentoran temmew fi draw ta’ 2-2  liema partita kienet valida mill-ewwel leg tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.

Bla dubju, dan id-draw ikkuntenta l-aktar lit-team Irlandiż hekk kif ġimgħa oħra issa jilgħab it-tieni leg quddiem il-partitarji tiegħu stess.

Kienu Glentoran li ħolqu l-ewwel periklu wara biss minuta u rebħu penalty għal handsball ta’ Thiago Espindola fil-kaxxa, li ġie wkoll ammonit. Iżda mill-11-il metru nkariga ruħu Junior Ogedi-Uzokwe li   deher jiżloq u x-xutt tiegħu intemm ftit għoli, bi Gzira jeħilsuha ħafif.

Il-Maroons wieġbu fid- disa’ minuta meta Macula venven xutt minn tarf il-kaxxa li iżda ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper ta’ Glentoran, Aaron McCarey.

Peró, minuta biss wara l-Irlandiżi fetħu l-iskor meta Shay McCartan indirizza cross perfett lejn JUNIOR OGEDI-UZOKWE, li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.

Gzira wieġbu fid-29 minuta meta Brooklyn Borg xeħet cross li sab lil Macula li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata parzjalment minn McCarey, iżda wara indeċiżjoni min-naħa tie­għu, JOSE WILKSON TEIXEIRA xeħet fix-xibka.

Huma komplew fuq l-of­fenisva u fis-36 minuta, l-istess Jose Luis Teixeira għamel l-impossibli u tfixkel fil-ġid meta ħarablu l-ballun minn siequ.

Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Maroons u fit-38 minuta, Jackson Mendoza kellu xutt mid-distanza li għadda ftit barra.

Dan sabiex żewġ minuti biss wara f’kontrattakk veloċi, Gzira qalbu l-iskor favur tagħhom meta Wilkson Teixeira għadda tajjeb lejn Macula li min-naħa tiegħu serva fuq platt tal-fidda lil BROOKLYN BORG li permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Glentoran ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u rnexxielhm jagħmlu dan fis-47 minuta meta wara li l-goalkeeper tal-Maroons, David Cassar, ippanċja qasir, RHYS MARSHALL kien fil-post it-taj­jeb u fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.

Iżda kuntrarju għall-ewwel taqsima, it-tieni taqsima kienet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, biż-żewġ timijiet donnhom ikunu kuntenti bi draw, fejn ma ġiet innutata l-ebda azzjoni oħra denja ta’ nota.

GZIRA UTD: 1-David Cassar, 4-Andy Borg, 2-Carlos Chaba, 20-Farid Romero Zuniga, 8-Marcelo Dias, 47-Brooklyn Borg, 11-Macula, 23-Ewertton, 98-Jackson Mendoza, 93-Thiago Espindola, 74-Jose Wilkson Teixiera (21-Ryan Essaka 74) – Coach: Darren Abdilla

GLENTORAN: 1-Aaron McCarey, 8-Rhys Marshal, 5-Aidan Wilson, 4-Luke McCullough, 12-James Singleton, 11-Daire O’Connor, 6-Bobby Burns, 29-Aaron Wightman (15-Fuad Sule 46), 7-Shay McCartan (20-Joshua Kelly 95), 38-Niall McGinn, 40-Junior Ogedi-Uzokwe (9-Jay Donnelly 68) – Coach: Warren Feeney

REFEREE: Stefan Ebner (Awstrija)

ASS. REFEREES: land Brandner, Manuel Undesser (Awstrija)

RABA’ UFF: Achim Untergasser (Awstrija)

SKORERS: J. Ogedi Uzokwe 10, R. Marshall 47 (G), J. Wilkson Teixeira 29, B. Borg 40 (GU)

AMMONITI: T. Espindola, M. Dias, Macula (GU), J. Donnelly (G)

Ekonomija

Sport