Minn Cristian Muscat
Iċ-champions Maltin, Hamrun Spartans, huma żewġ partiti ‘l bogħod milli jiktbu l-istorja hekk kif proprju llum jilagħbu l-ewwel leg tal-play-offs tal-UEFA Conference League kontra Rigas FS tal-Latvja.
L-Ispartans għandhom iċ-ċans li jsiru l-ewwel team Malti li jikkwalifika għall-Fazi tal-Kampjonat fejn ikun qed jistennihom pakkett finanzjarju kbir.
It-team immexxi mill-coach Taljan, Giacomo Modica, diġá lagħab sitt partiti fl-Ewropa f’dan l-istaġun … erbgħa fil-UEFA Champions League u tnejn fil-UEFA Europa League.
L-ewwel żewġ konfronti kienu kontra FK Zalgiris li spiċċaw b’aggregate ta’ 2-2 (0-2, 2-0) biex il-kwalifikazzjoni kellha tiġi deċiża bil-penalties li kienet waħda maratona fejn ingħataw xejn inqas minn 28 wieħed … bl-Ispartans jittrijonfaw bl-iskor ta’ 11-10.
Imbagħad, fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni huma ffaċċjaw lit-team qawwi ta’ Dinamo Kiev tal-Ukrajna.
Fil-veritá, dehret id-differenza bejn iż-żewġ timijiet hekk kif l-Ukreni ħarġu rebbieħa bl-aggregate ta’ 6-0 meta f’kull leg rebħu bl-iskor identiku ta’ 3-0. It-tieni leg intlagħab fil-belt newtrali ta’ Lublin, fil-Polonja, minħabba l-konflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja.
B’din it-telfa, l-Ispartans ġew relegati għall-UEFA Europa League fejn iffaċċjaw lil Maccabi Tel Aviv ta’ Iżrael b’dawn tal-aħħar jgħaddu għat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni bl-aggregate ta’ 5-2 (2-1, 3-1). It-tieni leg intlagħab fil-belt newtrali ta’ Backa Topola, fis-Serbja, minħabba l-kunflitt bejn Iżrael u Gaża.
Għaldaqstant, il-Ħamruniżi ġew relegati għal Conference League u jekk jissuperaw dan ir-round, huma jkunu fl-urna biex flimkien ma’ 35 team ieħor jifformaw il-Fażi tal-Kampjonat.
F’din il-fażi huma jilagħbu tliet partiti fl-Istadium Nazzjonali u tliet logħbiet barra minn xtutna għal total ta’ sitta.
Għalhekk, f’dan l-istadju wieħed jawgura li l-Ispartans jilħqu l-objettiv tagħhom biex iwettqu wkoll din il-ħolma kbira.
Min-naħa tagħhom, Rigas FS kellhom l-istess vjaġġ tal-Ispartans – fil-UEFA Champions League huma eliminaw lil Levadia Tallinn tal-Estonja bl-aggregate ta’ 2-0 iżda mbagħad tilfu bl-aggregate ta’ 5-1 kontra Malmo tal-Isvezja.
Fil-UEFA Europa League, huma sfaw eliminati minn Kups tal-Finlandja bl-aggregate ta’ 3-1.
Bħalissa, RFS jinsabu fl-eqqel tal- kampjonat domestiku u wara 26 partita jinsabu fit-tieni post tal-klassifika b’64 punt … tlieta inqas mil-leaders Riga.
Huma ġejjin minn rebħa ta’ 4-1 fuq Super Nova sabiex baqgħu jżommu l-isfida tagħhom għat-titlu minbarra li għandhom il-moral għoli.
It-team huwa mmexxi mill-coach, Viktor Morosz, li għandu 45 sena u li fil-karriera tiegħu bħala midfielder lagħab ukoll mat-team nazzjonali.
Din il-partita se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali wara li t-talba tal-Ispartans biex jilagħbu fis-Centenary Stadium ma ntlaqgħetx mill-UEFA.
Din se tibda fis-7.00 pm, u se tintwera diretta fuq TVMSports+.