Hamrun Spartans …1
Rigas FS …………..…0
Minn Cristian Muscat
Hamrun Spartans kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq Riga FS, fl-ewwel leg tal-play-offs tal-UEFA Conference League, biex kollox għadu miftuħ beraħ hekk kif nhar il-Ħamis li ġej, imorru jilagħbu t-tieni leg fil-Latvja.
Il-coach Ħamruniż Giacomo Modica ma setax jinżel bl-aħjar formazzjoni tiegħu billi l-midifelder Jovan Cadjenovic ma rkuprax fil-ħin wara li weġġa’ fil-logħba tal-kampjonat kontra Tarxien Rainbows. Vincenzo Polito beda fuq wara flimkien ma’ Bjelicic waqt li bdew ukoll Domantas Simkus u Ante Coric waqt li Emerson Marcelina u Matias Garcia kienu fuq il-bank tas-sostituti.
Kienu Ħamrun li kellhom l-ewwel tentattiv, fis-sitt minuta, permezz ta’ cross insidjuż ta’ Ryan Camenzuli, li iżda, ġie antiċpat f’corner mill-captain Ziga Lipuscek.
Żewġ minuti wara, Hamrun ħelsuha ħafif meta wara kontrattakk veloċi, il-ballun wasal għand l-iżmarkat Mor Talla li kellu xutt minn tarf il-kaxxa li għadda jħakkek mal-lasta.
Fit-13-il minuta, Ante Coric kellu ċans tajjeb li jiftaħ l-iskor għall-Ispartans meta rċieva l-ballun fil-kaxxa iżda ġie nnewtralizzat mid-difiża avversarja.
Fl-20 minuta, ġirja tajba ta’ Mor Talla fuq ix-xellug nifdet lid-difiża Ħamruniża, għadda l-ballun lejn Barthelemy Diedhiou li iżda ma laħaqx biex jikkonkludi.
Fl-24 minuta, minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Coric, N’Dri Koffi ttanta xortih b’xutt minn barra l-kaxxa iżda falla l-mira.
Wara din l-azzjoni, il-logħob kien konċentrat f’nofs il-ground … sakemm fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, il-Ħamruniż Eder impenja lill-goalkeeper, Marko Maric, b’corner dirett mix-xellug li ġie salvat tajjeb.
Wara l-mistrieħ, l-Ispartans ħarġu aktar aggressivi u fit-53 minuta, cross-shot ta’ Bjelicic ġie salvat tajjeb minn Maric u minuta wara, Rafael Compri resaq viċin bi cross mil-lemin.
Fil-55 minuta, il-Ħamruniżi fetħu l-iskor meta mill-cross ta’ Joseph Mbong, Saliou Thioune tħalla żmarkat u b’ xutt fil-baxx għeleb lill-goalkeeper avversarju.
Rigas għamlu reazzjoni mmedjata u żewġ minuti wara rrispondew permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Darko Lemajic li ġiet salvata minn Bonello.
Il-Latvjani ppruvaw jippressaw iżda l-Ispartans bdew jagħlqu l-ispazji fuq wara u fis-77 minuta, Roberts Savalnieks mpenja lill-goalkeeper Bonello bi free-kick mit-tul li ġie salvat tajjeb.
Ħamrun wieġbu fit-78 minuta, b’azzjoni tajba bejn is-sostitut Matias Garcia, Koffi u Thioune li kellu l- konklużjoni mblukkata f’ corner li minnu, Sven Xerri kellu daqqa ta’ ras salvata minn Maric.
HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 2-Rafael Compri, 9-Saliou Thioune (77-Merlin Hadzi 89), 10-Joseph Mbong (91-Emerson Marcelina 89), 13-Vincenzo Polito (5-Sven Xerri 70), 19-N’Dri Philippe Koffi, 24-Ante Coric (8-Matias Garcia 70), 25-Eder (47-Mouad El Fanis 75), 27-Ognjen Bjelicic, 33-Domantas Simkus, 94-Ryan Camenzuli – Coach: Giacomo Modica
RIGAS FS: 35-Marko Maric, 2-Aleksandar Filipovic, 11-Roberts Savalnieks, 18-Dmitrijs Zelenkovs, 22-Darko Lemajic, 25-Stefan Panic, 37-Tayrall Wouter (7-Ismael Diomande 58), 43-Ziga Lipuscek, 70-Mor Talla, 71-Barthelemy Diedhiou (25-Petr Mares 46), 81-Strahinja Rakic (81-Martins Kigurs 77) – Coach: Viktors Morozs
referee: Ashot Ghaltakhchyan (Armenja)
ASS. refereeS: Mesrop Ghazaryan, Atom Sevgulyan (Armenja)
RABA’ UFF: Artem Gasparyan (Armenja)
SKORER: S. Thioune 55 (HS)
AMMONITI: S. Thioune, Eder, M. Garcia, R. Camenzuli (HS); Z. Lipuscek, I. Diomande, P. Mares (R)