Minn Cristian Muscat
Hibernians jinsabu fis-Slovakkja biex illum jiffaċċjaw lil Spartak Trnava f’partita li hija valida mit-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.
Bla dubju, din il-partita hija waħda mill-aktar diffiċli hekk kif il-Pawlisti jridu jirkupraw żvantaġġ ta’ goal wara li fl-ewwel leg huma sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-1, f’Tony Bezzina Stadium.
Fil-veritá, dan l-iżvantaġġ seta’ ġie evitat hekk kif dan il-konfront deher li kien se jintemm fi draw iżda s-Slovakki ħarġu rebbieħa lejn it-tmiem permezz ta’ penalty li kkommetta l-goalkeeper, Laurentiu Branescu, fuq l-avversarju Filip Twardzik, wara pass lura qasir minn Charleston … l-iskorer li kiseb id-draw għal Hibernians, 10 minuti mit-tmiem, wara li s-Slovakki kienu fetħu l-iskor minn Libor Holik fl-ewwel taqsima.
L-ewwel leg kien oppurtunitá għall-coach, Branko Nisevic, li jintroduċi bosta wċuh ġodda, fosthom, Branescu, Aiden Zammit, Pedro Cacho u Pablo Alves.
Bla dubju, il-coach Nisevic irid jinżel b’tattika offensiva u jimmiraw li jiskorjaw l-ewwel biex jagħmlu l-aggregate indaqs hekk kif il-goal away m’għadux jgħodd doppju f’każ li żewġ timijiet itemmu fi draw.
It-team li jikkwalifika minn dan il-konfront jaffronta lir-rebbieħa bejn FK Sarajevo tal-Bosnja-Herzegovina u Universitatea Craiova tar-Rumanija, fit-tielet round ta’ kwalifikazzjoni.
Hibernians iridu jkunu fl-aqwa forma possibbli kontra team li fil-passat eliminahom tliet darbiet. Barra minn hekk, Trnava eliminaw ukoll lil Birkrikara u lil Mosta.
Il-logħba se tintlagħab fi Stadion Antona Malatinskeho fil-belt ta’ Trnava, fil-5.30 pm, u se tintwera diretta fuq TVMSports+.