Minkejja li fil-football xejn m’huwa mpossibbli, fil-veritá se tkun ferm diffiċli għal Hibernians biex jirkupraw tliet goals u jdawru r-riżultat favur tagħhom kontra l-Irlandiżi ta’ Shamrock Rovers wara li fl-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League kienu ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 3-0.
Illum, il-Pawlisti se jilqgħu lil Shamrock fis-Centenary Stadium.
Ġimgħa ilu, f’Tallaght Stadium fil-belt ta’ Dublin, l-Irlandiżi ddominaw għal kollox l-ewwel taqsima biex skorjaw darbtejn u saħansitra setgħu kabbru l-vantaġġ.
Wara li Ronan Finn kien poġġa lil Shamrock fil-vantaġġ, Dylan Watts irdoppja l-iskor ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, Hibernians bidlu l-istil ta’ logħob tagħhom u bdew jersqu aktar lejn il-lasti tal-goalkeeper, Alan Mannus. Fil-fatt, il-Pawlisti laqtu l-lasta darbtejn wara tentattivi ta’ Terence Groothusen u Thaylor Aldama li kienu ferm sfortunati fiż-żewġ ċirkostanzi. Min jaf x’kien jiġri li kieku l-Pawlisti kisbu d-draw?
U biex l-affarijiet komplew jiġu ħażin għal Hibernians, huma sofrew it-tielet goal minn Rory Gaffney … li qabad lid-difiża Pawlista fuq sieq waħda, avvanza u tefa’ fir-rokna tax-xibka … meta suppost intwera l-karta l-ħamra għal ritaljazzjoni fuq Gabriel Izquier, fis-70 minuta … bl-azzjoni sseħħ taħt għajnejn l-assistent referee … bil-player Irlandiż jintwera biss il-karta s-safra.
Fl-imsemmija partita, il-Pawlisti kellhom ħames players ġodda li kienu Gonzalo Llerena, Gabriel Mensah, Terence Groothusen, Lorenso Soares Fonseca u Rodolfo Soares, b’dan tal-aħħar kien diġá lagħab bil-flokk iswed u abjad bejn l-2011 u l-2018.
It-team kien immexxi mill-assistant coach, Ryan Pulis, minħabba li l-coach Stefano Sanderra kien qed jiskonta sospensjoni.
Iżda bejn iż-żewġ partiti saret bidla mhux mistennija hekk kif iċ-champions Maltin ingaġġaw lill-coach Andrea Pisanu wara li Sanderra għarraf lid-diriġenti tal-club li kellu sejħa mill-club Taljan ta’ Lazio biex jieħu r-responsabbiltá tat-team tal-Primavera.
Ir-rekord ta’ Sanderra ma’ Hibernians fil-kompetizzjonijiet Ewropew kien ta’ 10 logħbiet – Champions League (2), Europa League (4) u Conference League (4) fejn rebaħ erbgħa u tilef sitta.
B’hekk il-partita tal-lum se tkun speċjali għal Pisanu li se jagħmel id-debutt tiegħu f’din il-kompetizzjoni fit-tmexxija ta’ coach.
Peró huwa ma jistax jutilizza lil Andrei Agius, Ferdinando Apap, Bjorn Kristensen u Jake Grech li jinsabu sospiżi.
Forsi dan il-konfront wasal wisq maljar għall-coach Taljan iżda żgur li m’għandu bżonn tal-ebda ntroduzzjoni fil-logħba domestika hekk kif mexxa lil Sliema Wanderers għal 44 partita fil-Kampjonat Premier wara li ddebutta nhar il-15 ta’ Frar, 2020, fir-rebħa ta’ 1-0 fuq Tarxien Rainbows … bi 17-il rebħa, 10 draws u 17-il telfa. Peró kulħadd huwa konxju mill-abbiltajiet tiegħu.
Jekk Hibernians jgħaddu huma jaffrontaw lil Ludogorets tal-Bulgarija jew lil FK Sutjeska Niksic tal- Montenegro.
Jekk joħorġu telliefa jilagħbu fl-Europa Conference League kontra Levadia Tallinn tal-Estonja.
Il-logħba tibda fit-8.00 pm.